Meta ma stajtx norqod

Print Friendly, PDF & Email

Ġieli ġralek li tkun rieqed u rieqda u tqum? Hekk? F’daqqa waħda? U terġa’ tipprova torqod? Almenu tittanta xortik għal darb’oħra. Imma ħej?

Hekk ġrali dalgħodu jien. Ma nafx! Forsi l-għaliex ir-rebbiegħa. Inkella l-għaliex għandi ħafna ħsibijiet iduru f’rasi. Jew forsi l-għaliex, u din bdejt nammettieha wara naqra tat-tqanżiħ, qed nikber. Iva! Kollox sew! Ħafna jgħiduli: “U kemm għadek żgħir!” Bħal dak li qallu s-saħħa titkejjel biss minn kemm għandek żmien! Le ħbieb! Ix-xogħol tiegħi mal-morda kemm għallimni xorta oħra! X’differenza! Le! Mhuwiex iż-żmien li jiddetermina. Għaliex, jiddetermina wkoll, minn xiex tkun għaddejt.

Kollox sew! Issa ma stajtx norqod. Allura x’ħa noqgħod nagħmel? F’din l-għodwa iddeċidejt li naqbad il-pinna u nkun viċin tagħkom. Hekk! F’dan il-ħin! Mela moħħi bħalissa jmur f’dawk fostkom li għadhom reqdin. L-għaliex, xi sagħtejn oħra, għandhom iqumu ħa jmorru għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Moħħi qed jiftakar ukoll f’dawk li għadhom għaddejjin jaħdmu. L-għaliex qiegħdin ta’ billejl. U, biex iddur l-ekonomija tal-familja u tal-pajjiż, ħaddiema billejl trid ukoll. Mela ħbieb, dan il-ħsieb għalikom!

Imma moħħi qed jiftakar ukoll f’dawk li raqdu b’qalbhom maqsuma. Min jaf? Forsi jew l-għaliex m’għandhom lil ħadd inkella l-għaliex, u minħabba t-tilwin, ara kif spiċċaw! Suli! Ikraħ hux it-tilwim! Kemm iħalli vittmi! U moħħi ma jistax ma jiftakarx anki fihom ukoll. Jiġifieri f’dawk li marru jorqdu ferħanin. Kemm hemm bżonn li dawn in-nies jiġu iċċelebrati! U apprezzati! Ġieli nieħu l-impressjoni li l-ħajja donnha kollha nieket. Problemi. Ġlied. Uġiegħ il-qalb. Le ħbieb! Fil-ħajja hemm id-doża tal-ferħ! U huwa mportanti li din id-doża nagħtuha l-ispazzju tagħha! Inkella x’ħajja tkun dik li qiegħdin ngħixu?

F’din l-għodwa tar-rebbiegħa qed inħossni ħafna aktar b’saħħti. Forsi l-għaliex għadna ma qbiżniex it-tieni nofs ta’ dan l-istaġun. U allura għadna m’aħniex inħossu s-sħana tas-sajf. Li, qajla qajla, ġej fuqna. Madankollu ħbieb ejjew naraw ‘il bogħod u ‘il bogħod minn imneħirna! Ir-rebbiegħa hija għalina l-ħajja. U ħajja bil-kotra! Ħajja ta’ ħsieb, ta’ tama, ta’ mħabba u ta’ ferħ. Ħajja li tiġi mis-sagrifiċċji li nagħmlu għal xulxin. U għal dawk li nħobbu. Ħajja li tħaddan lil kulħadd. Lil min twieled u lil min beda l-proċess li bih se jitwieled. Ħajja li tferraħna bis-sliem li hemm xi ħadd li lilna jaħseb fina.

Dejjem hemm dak ix-xi ħadd. Li jgħidlek u jgħidli kelma ta’ ġid. Anki meta ma nħobbx nismagħha. Għax toqrosni. Almenu f’dak il-mument. Imma, u la jgħaddi ż-żmien, dik il-kelma mill-morr idurli f’ħelu. Anzi! F’togħmti iġġibli ħlewwa li tibqa’ miegħi għal dejjem. L-għaliex turini t-triq. U teħlisni mit-taħwid u t-tixrid tal-moħħ.

Oh ja moħħ! Kemm tinxtered! Forsi biex tipprova tlaħħaq ma kollox! Imma tista’ tlaħħaq ma’ kollox? Ħabib ma naħsibx! Allura x’tagħmel? Ħa tibqa’ titlajja’ ma’ il-ħsieb? Inkella mal-ieħor? Huwa dan għaqal fik? Ikolli ngħid li le! U tant kemm hu le li, proprju issa, iddeċidejt li noħroġ il-kuruna ħa nibda’ nitlob. Mhux għax jien xi qaddis tafux. Imma l-għaliex proprju għax minix.

Kemm sirt nemmen ħbieb f’dak li jgħid San Benedittu: Ora et Labora! Itlob u aħdem! Itlob! Tgħaġġilx! Ibqa’ mal-Mulej fit-talb! Ħalli kollox jieħu l-perspettiva tiegħu. L-għaliex jekk ix-xogħol huwa bil-wisq meħtieġ u jġib il-barka l-attiviżmu mhux talli mhux meħtieġ talli saħta jġib. L-attiviżmu ma fihx risq. L-attiviżmu jdaħħalna fi sqaq. L-għaliex nieqes mit-togħma. L-attiviżmu, fil-fatt, hu bla togħma. It-togħma tar-riflessjoni. Li twassal għall-azzjoni sura ta’ Alla.

Niftakar li darba minnhom raġel ta lura d-dixx mimli ikel lil martu. Dik, miskina, baqgħet tħares lejh. U x’kienet ir-raġuni? “Dan bla melħ!” Veru! Ħafna melħ mhux tajjeb għall-pressjoni. Imma l-melħ irriduh! L-għaliex, mingħajru, neżiżtu nkunu. Mhux biss. Imma ħajjitna ssir bħal dak id-dixx ikel. Bla togħma! U x’jiġri meta l-ħaġa tkun bla togħma? Titwarrab. Tintrema’. U, jekk ikun il-melħ stess, Ġesù għalih jgħid li jintrifes minn nies. Għalhekk jgħidilna: Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies (Mt 5:13).

Kos hux! Qalilna biex inkunu melħ! Biex nagħtu togħma! Inkella jarmuna! U jirfsuna! Mela ejja ma nbiegħu qatt il-prinċipji tagħna. Ibda’ minn dawk tal-fidi Nisranija tagħna. U wara ndaħħlu wkoll dawk li ġew b’konvinzjoni ibbażata fuq il-verità. U mhux għax jaqbilli li nagħmel hekk. U hekk inkun il-melħ! Li jagħti togħma! Mingħajr, u sintendi, ma nsir melħa. U hekk innellaħ it-togħma li, ta’ melħ li jien, u jien min jien, suppost li qed nagħti.

Għajjejt ħbieb! Ħa mmur noħodlu siegħa!…

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading