Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 5, 33-37
Il-ħalf hu meħtieġ minn min mhux afdat jew minn min ma jafdax, jew mit-tnejn li huma.
Alla m’għandux bżonn il-ħalf tagħna għax jaf diġa x’hemm moħbi f’qalbna, u, għalih, il-verità ma titbiddilx, la skont il-ħtieġa u lanqas skont is-sitwazzjoni. Il-kelma tiegħu tibqa’ għal dejjem u l-perfezzjoni tal-bniedem tintlaħaq meta l-kelma l-kelma tiegħu tkun tiswa ta’ dak li hi.
Il-Lhud, u aħna bħalhom, ftit agħrfu it-tisfsira tal-ħalf. Metal-kelma tal-bniedem issr bħal pinnur fil-ġranet tax-xitwa, li jdur u jgħaqad ma tafx eżatt fejn jibda jipponta, il-bniedem stess jitlob garanzija, biex il-kelma jkollha l-qawwa vera tagħha, ikollha l-valur veru tagħha, u fiha ma jkun hemm ebda ħjiel ta’ qerq jew gideb. Għal ħafna din il-granzija ssir permezz tal-ħalf fuq Alla jew fuq dak li hu tiegħu, jew fuq ħwejjeġ għeżież oħra. Hemm ħalf li jitlob kastig fuq min ma jżommx il-kelma, jew fuq min bi kliemu jkun iqarraq, jgħid ħaġa waqt li jkun qed ifisser oħra. Nirrani mmut zoptu jew nirrani ma ndumx ħaj sa għada. Hawn min jemmen li dan jista’ jseħħ, imma ħafna juzaw dan il-ħalf biex jiġu emmnuti għax jafu li jkunu qed jigdbu.
Iżda meta naħilfu fuq Alla, inkunu qed inniżżlu lil Alla xhud tagħna, xhud li ħadd ma jista’ jmerih għax fih hemm il-verità mingħajr ebda dell ta’ qerq. Meta naħilfu b’Alla u f’moħħna għandna li nqarrqu, nkunu qed nifhmu li Alla hu giddieb agħar minnha, għax jagħti garanzija tal-ħalf qarrieq tagħna.
Ġesù mhux biss jikkundanna dan it-tip ta’ ħalf u kull ħalf ieħor, iżda jemfasizza l-integrità li għandu jkollu kull bniedem. L-iva tagħkom iva, il-le tagħkom le. Kulma ma hu iżjed minn hekk ġej mill-Ħażin, li hu missier il-qerq u l-gideb. Ir-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom u ma’ Alla huma mibnija fuq il-fiduċja li tiġi mill-imħabba mhux fuq il-karti ffirmati jew fuq il-ħalf. Sfortunatament tant il-bnedmin jigdbu u jqarrqu b’xulxin li l-fiduċja intilfet u ħadd ma jaf eżatt fejn hu.
Dan in-nuqqas ta’ fiduċja jnissel tensjoni kontinwa, għax ħadd ma jaf eżatt x’jaqbad jemmen. Donnu fi żmienna, fis-soċjetà li ngħajjxu, l-unika verità hi li teżisti li-gidba; mela allura ma tista tafda lil ħadd u kull ma tisma’ tiddubitah u tħoss il-ħtieġa li tgħaddih mill-għarbiel tas-suspetti l-kriterji li jħollu l-gideb li tkun għidt jew smajt. Ħadd ma jafda lil ħadd u kulħadd jaħseb ħażin f’kulħadd. Il-gideb huwa frott tal-mentalità abusiva mill-fiduċja li għandu jkollna f’xulxin. Ftit li xejn nindunaw li b’din l-imġieba qed nherru dak li jżommna fuq saqajna u flimkien.
Wara kollox, il-Ħażin dak li jrid, għax jekk fil-għaqda, li bil-gideb titfarrak, hemm il-qawwa, fejn hemm il-firda hemm id-dgħufija.