Aħbarijiet

Jum kontra t-tortura. Il-Papa jgħid li dan huwa dnub gravi


It-Tlieta 26 ta’ Ġunju 2018: Illum qed jitfakkru l-vittmi tat-torturi. Minkejja l-projbizzjonijiet fuq livell internazzjonali, illum għad hemm ħafna bnedmin li jisfaw vittmi ta’ trattamenti diżumani.

L-Assemblea ġenerali tal-Ġnus Magħquda iddikjarat il-jum tas-26 ta’ Ġunju bħala l-Jum Internazzjonali favur il-vittmi tat-tortura. Il-Ġnus Magħquda minn dejjem ikkundannat it-torturi bħala wieħed mill-aktar atti vili mwettqin mill-bnedmin fuq bnedmin oħra bħalhom.

Skont d-drittijiet internazzjonali, dan hu att kriminali u huwa projbit għal kollox tant li xejn u ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġġustifikawh. Dan jgħodd għall-membri kollha tal-komunità internazzjonali, indipendentement minn jekk l-Istat ikunx irratifika t-trattati internazzjonali jew le.

Din it-tifkira hija aktar u aktar importanti minħabba li l-10 ta’ Diċembru ta’ din is-sena se jkun is-70 anniversarju minn mindu xxandret id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani li fl-artiklu 5 tgħid: Ebda individwu ma jista’ jitqiegħed taħt tortura jew trattament u kastigi krudili, inumani u degradanti.

Din id-Dikjarazzjoni kienet ġiet approvata mill-Ġnus Magħquda fl-1948 u għandha importanza storika fundamentali għax hi l-ewwel turija tar-rieda tal-komunità internazzjonali li tagħti għarfien universali lid-drittijiet ta’ kull persuna umana, fosthom dak li ma jingħatawx torturi.

Minkejja l-projbizzjoni assoluta skont id-dritt internazzjonali, illum f’ċerti pajjiżi għadhom jingħataw it-torturi, hemm il-persekuzzjonijiet, il-ġenoċidji u għamliet oħra ta’ trattament inuman, krudili u degradanti. Ifisser li t-tortura mhix xi ħaġa tal-passat.

Matul il-pontifikat tiegħu, kemm-il darba l-Papa Franġisku kkundanna dan l-att kriminali: Li tittortura persuna hu dnub mejjet, hu dnub gravi ħafna. Dan kien stqarru waqt l-Angelus fit-22 ta’ Ġunju, 2014.

Iżda l-Papa ma kkundannax u waqaf hemm, kien talab ukoll lil-Knisja biex tara x’se tagħmel u ma tibqax gallarija: Nistieden lill-insara – kien qal dakinhar – biex jimpenjaw ruħhom u jikkollaboraw ħalli tintemm darba għal dejjem din il-pjaga u biex jagħtu sapport lill-vittmi u lill-familjari tagħhom.

Iżda Franġisku kien tkellem ukoll dwar it-tortura waqt il-vjaġġ appostoliku li kien għamel fil-Polonja fejn kien qal: Il-krudeltà ma ntemmitx f’Auschwitz u Birkenau, għadha magħna llum. Illum għad hawn min jisfa torturat. Tant priġunieri jgħaddu mit-tortura biex iġegħeluhom jitkellmu. Hi ħaġa terribbli li għad hawn nisa u rġiel li fil-ħabsijet mimlijin aktar milli jesgħu, jgħejxu qieshom annimali.

Bħalma jiġri kull 26 ta’ Ġunju, l-Assoċjazzjoni Kristjana Ekumenika, li taħdem kontra t-tortura u l-piena tal-mewt, fid-dinja kollha torganiżża vejla ta’ talb biex tesprimi l-qrubija tagħha ma’ kull min fid-dinja jisfa torturat jew ittrattat b’mod inuman u degradanti.

Hu għalhekk dmir tagħna, aħna li nemmnu, li niftakru f’dawn ħutna bnedmin bħalna fit-talb tagħna.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s