L-Evanġelju tat-Tlieta 26 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 7, 6.12-14

Il-liġi u l-profeti jġibu l-ordni fejn huma mħaddma u obduti. L-ordni hija ndispensabbli biex ikun hemm il-bilanċ u l-ambjent tajjeb biex kull bniedem jagħeml lill-bnedmin l-oħra dak li jixtiequ li jagħmlu lilu. Kull ħsieb li ġej minn dan il-prinċipju u li jitwettaq, hu opportunità mirbuħa; kull wieħed imwarrab hu opportunità mitlufa.

F’idejna hemm il-qdusija, għax din hi s-sejħa li Alla jagħmel lil kull bniedem għax iħobbu u f’ħoġorna hemm il-ġawhar li jżejjen lil kull bniedem quddiem Alla u quddiem il-bnedmin, għax il-perfezzjoni twassalna għall-milja u l-qofol tagħna bħala l-quċċata tal-ħolqien kollu.

Iżda l-bniedem faċli jilludi ruħu li dak li għandu taħt idejh mhux biżżejjed jew mhux tajjeb biżżejjed; jaħseb li hemm ġid ieħor li aħjar jitħabat għalih. Għalhekk iwarrab il-ġid, mogħti mill-qalb ġeneruża ta’ Alla biex jiġri wara r-riħ u jaħtaf taħt idejh is-sħab. Meta jagħmel hekk ikun iżeblaħ lil dak li tah il-ġid għax ma jiswiex daqs dak li jaħseb li hu ġid aqwa. Għalhekk il-bniedem jiġġieled u jissielet għal dak li jidher li hu ġid imma fil-fatt hu għodda biex ikompli jgħaffeġ u jirfes fuq il-ġid li ġie mogħti lilu u lil ħaddieħor. Nitħabtu u nissiltu għal dak li jitmermer u jgħib bla ma jimpurtana minn dak li jibqa’ u hu tassew meħtieġ.

Għaliex nibku u nolfqu meta nitilfu l-ġid li għandna f’ħoġorna u ma nifirħux meta jkun għandna? Għax boloh tant li nħallu lil min ibellaħna iżjed, inħallu lil min jiikkonvinċina li l-ġid li għandna mhu ġid xejn, li mh’hu xejn ħdejn il-ġid immaġinarju u moħlum. Irridu dejjem iżjed nigdmu u niffangaw mill-frott tas-siġra tal-għerf tal-bniedem, imħawla fil-ġnien tas-setgħa u l-jasar tax-xewqat tar-rebgħa u l-frugħa. Min qal frugħa tal-frugħat, kollox hu frugħa, ma kienx baħnan imbeċilli; tkellem mill-esperjenza ta’ bniedem li ġarrab. Iżda aħna x’jimpurtana minnu u minn dak li għadda minnu hu! Aħna aqwa minnu u meħlusa minn dak li jwassalna għal din il-konklużjoni.

Bluha tal-bluhat, għax bilwieqfa nirraġunaw mod u mimdudin nirraġunaw mod ieħor.

Gawdi u tpaxxa ngħidu u jgħidulna, imma l-bqija ma nsemmuhx għax inikkitna. Għażel dak li jaqbillek u ħallik mit-tajjeb li jeħtieġ l-isforzi biex tiksbu. Għix kif trid; tħalli lil ħadd jindaħallek u taħsibx għax tgħejja. Iddeċiedi int x’inhu tajjeb u fasslu għalik biex f’ħajtek tkun komdu u tibqa’ għaddej dritt minn kullimkien, tasal fejn trid tasal u tikseb dak li tixtieq u taħseb li trid. Għaddi ħajtek kollha tfittex dak li diġa qiegħed għandek u itlef sensik fis-sakra tal-kilba għal ħajja mingħajr għaqal u rażan. Wiesgħa din it-triq u ħafna jgħaddu minnha.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.