Ħatra ta’ 14-il Kardinal ġdid

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 28 ta’ Ġunju 2018: Waqt konċistorju ordinarju fi Pjazza San Pietru illum waranofsinhar il-Papa Franġisku ħatar 14-il kardinal ġdid, ġejjin minn 11-il pajjiż differenti Franġisku kien ħabbar l-ismijiet tal-porporati l-ġodda mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku wara r-reċita tar-Regina Coeli fl-20 ta’ Mejju li għadda.

Il-Kardinali huma mill-Bolivja, mill-Iraq, mill-Italja, mill-Ġappun, mill-Pakistan, mill-Polonja, mill-Portugall, mill-Perù, mill-Madagaskar, mill-Messiku u minn Spanja. Il-Papa kien spjega li l-postijiet minn fejn ġejjin dawn il-kardinali ġodda jesprimi l-universalità tal-Knisja li tkompli tħabbar l-imħabba mimlija ħniena ta’ Alla lill-bnedmin kollha tad-dinja.

Franġisku kien issokta jgħid li n-nomini juru r-rabta li ma tinħallx bejn is-Sede ta’ Pietru u l-Knejjes lokali madwar id-dinja kollha.

Il-Kardinali l-ġodda huma:
• Il-Beatitudni Tiegħu Louis Raphaël I Sako – Patrijarka Kattoliku Kaldew, Patrijarka ta’ Babilonja (Iraq)
• L-Arċisqof Luis Ladaria –Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi (Spanja)
• L-Arċisqof Angelo De Donatis – Vigarju ġenerali ta’ Ruma (Italja)
• L-Arċisqof Giovanni Angelo Becciu – Sostitut tas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u Delegat Speċjali għall-Ordni Sovran Militari ta’ Malta (Italja)
• L-Arċisqof Konrad Krajewski – Alimunier tal-Uffiċċju tal-Karitajiet tal-Papa (Polonja)
• L-Arċisqof Joseph Coutts ta’ Karachi (Pakistan)
• L-Isqof António dos Santos Marto ta’ Leiria-Fátima (Portugall)
• L-Arċisqof Pedro Barreto ta’ Huancayo (Perù)
• L-Arċisqof Desiré Tsarahazana ta’ Toamasina (Madagaskar)
• L-Arċisqof Giuseppe Petrocchi tal-belt ta’ L’Aquila (Italja)
• L-Arċisqof Thomas Aquinas Manyo ta’ Osaka (Ġappun)
• L-Arċisqof Emeritu Sergio Obeso Rivera ta’ Xalapa (Messiku)
• L-Isqof Emeritu Toribio Ticona Porco tal-Prelatura Territorjali ta’ Corocoro (Bolivja)
• Patri Aquilino Bocos Merino tal-Ordni tal-Klaretani (Spanja)

Il-Papa kien qal li lil dawn it-tlieta li semma l-aħħar ħatarhom minħabba s-servizz importanti li huma taw lill-Knisja.

Il-Konċistorju mhux quddiesa imma l-Kardinali miġburin flimkien, kemm mal-Papa kif ukoll fl-assenza tiegħu biex jiddiskutu dwar temi importanti li jolqtu lill-Knisja, bħal per eżempju meta jiġu mħabbra d-dati tal-beatifikazzjoni jew il-kanoniżżazzjoni ta’ qaddisin ġodda jew inkella meta jinħatru kardinali ġodda bħalma ġara llum.

Fil-Medju Evu l-papiet kienu jlaqqgħu konċistorji biex jiddeċiedu dwar ħwejjeġ importanti. Il-kardinali huma l-aktar persuni qrib il-Papa, ituh il-pariri u jikkollaboraw miegħu fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika fid-dinja kollha.

Il-Beatu Pawlu VI kien ilaqqa’ konċisotrju kull darba li jerġa’ lura minn xi vjaġġ appostoliku internazzjonali biex jaqsam magħhom l-impressjonijiet u jisma’ l-opinjoni tal-kardinali dwar il-vjaġġ.

Il-Papa Benedittu XVI kien ħabbar ir-riżenka storika tiegħu nhar il-11 ta’ Frar, 2013 waqt konċistorju mlaqqa’ biex jitħabbru d-dati tal-kanoniżżazzjoni tal-Martri ta’ Otranto.

Qabel il-konċistorju tat-22 ta’ Frar, 2014, il-Papa Franġisku kien laqqa’ konċistorju straordinarju dwar it-tema tal-familja.

Fil-konċistorju li sar illum, il-Papa Franġsiku ħatar l-14-il kardinal ġdid u daħħalhom bħala membri tal-korp tal-kardinali madwar id-dinja jew kif nafuh aħjar: il-Kulleġġ tal-Kardinali.

Dawn il-kardinali ġodda, lebsin suttana ħamra stqarrew il-Kredu u mbagħad resqu wieħed wieħed f’riġlejn il-Papa li libbishom il-berittin aħmar u tahom iċ-ċurkett kardinalizju.

Kull kardinal ingħata titlu ta’ waħda mill-knejjes ta’ Ruma, ġest simboliku biex juri li l-kardinali jiffurmaw parti mid-djoċesi ta’ Ruma, li l-Isqof tagħha huwa l-Papa, is-Suċċessur ta’ San Pietru, l-ewwel isqof ta’ Ruma.

Fl-1969, il-Beatu Pawlu VI kien irriforma l-konċistorju għall-ħatra tal-kardinali ġodda u tah bixra liturġika minkejja li diċ-ċerimonja qabel ma kellha ebda rabta liturġika. Ir-rit jinkludi talb u l-impożizzjoni tal-berittin u ċ-ċurkett, biex jenfasiżża r-rabta bejn il-kardinali u l-Papa.

Fl-2012, il-Papa Benedittu XVI kien kompla jirriforma u jissimplifika r-rit tal-ħolqien tal-kardinali l-ġodda, filwaqt li żamm ix-xeħta litruġika tal-Papa Pawlu VI.

Il-Kodiċi tal-Liġi kanonika jgħid li hemm żewġ tipi ta’ konċistorji: dak ordinarju u ieħor straordinarju. Konċistorju straordinarju jitlaqqa’ f’xi każi partikolari u f’dak il-każ il-kardinali kollha jkunu msejħin biex jieħdu sehem fih.

Il-konċistorju ordinarju jissejjaħ meta l-Papa jkollu ħtieġa tal-parir tal-kardinali dwar xi ħaġa importanti jew inkella biex tingħata bixra solenni lid-deċiżjoni tal-Papa bħal meta jkunu jridu jiġi approvati qaddisn ġodda.

Rapport mill-Kamtra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: