L-Evanġelju tal-Ġimgħa 24 t’Awwissu 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 1:45-51

Dan l-ewwel kapitlu tal-evanġelju skont San Ġwann huwa mimli preżentazzjonijiet u movimenti bejn il-persunaġġi li l-evanġelista jintroduċilna. Ġesù ġej u sejjer qrib il-post fejn kien jgħammed il-Battista. Id-dixxipli tal-Battista jmorru wara Ġesù u jibqgħu miegħu. Indrì jressaq lil Xmun għand Ġesù. Ġesù jibdillu ismu.

L-evanġelista mhux biss irid jgħidilna min hu Ġesù – il-ħaruf ta’ Alla – iżda wkoll jagħti mportanza kbira lill-fatt li dawn l-irġiel kif iltaqgħu miegħu emmnu fih, għarfu b’ċertezza li Ġesù hu l-Messija – il-Kristu jew il-midluk, l-ikkonsagrat ta’ Alla. Hemm ukoll dettalji strambi dwar distanzi. Jekk Xmun kien fir-raħal tiegħu, Betsajda, Indrì kellu jivvjaġġa ħafna biex isibu u jgħidlu li sabu lill-Messija, u kellhom jivvjaġġaw l-istess distanza lura biex ilaqqgħu ma’ Ġesù. Jista’ jkun li Ġesù kien diġa beda miexi lejn il-Gallilija, fejn wara li ltaqa’ ma’ Xmun, jiltaqa’ wkoll ma’ Filippu li, għalkemm ismu huwa grieg, kien ukoll minn Betsajda fil-Gallilija, il-belt ta’ Indrì u Pietru, probabilment qrib ħafna tal-belt ta’ Kafarnhum. L-isem ta’ dan ir-raħal faċli nifhmuh aħna l-Maltin; ‘bet’ (minn bajit) li tfisser dar (l-espressjoni bil-malti ‘fuq il-bejt’ litteralment tfisser ‘fuq id-dar’ u ‘sajda’ li tfisser ‘sajd’ jew ‘kaċċa’.

F’din is-silta wkoll, Ġesù mal-ewwel dixxipli tiegħu jimxi lejn il-Baħar tal-Gallilija, fejn ikun iċ-ċentru tal-ministeru tiegħu. Hemmhekk, l-evanġelista ‘sab’ lil Filippu. Il-kelma ‘sab’ tista’ tindikalna li mar ifittxu iktar milli ltaqa’ miegħu b’kumbinazzjoni. Isibu u jsejjaħlu. Filippu, bħal Indrì, mar sab lil Natanjel li jfisser ‘Alla ta’ jew Bartilmew minn ‘bar’ li tfisser ‘iben’ u ‘talmai’ li tfisser ‘il-bidwi’. Filippu ma jużax l-istess kliem dwar Ġesù li juża Indrì ma’ ħuh. Il-kliem li juża Filippu dwar Ġesù jagħtina mhux biss il-konvinzjoni tiegħu dwaru, iżda jagħtina wkoll dawl dwar Natanjel. Jidher li dan Natanjel, minn Kana fil-Gallilija, kien mgħallem sew fil-liġi u l-profeti, għax Filippu jippreżenta lil Ġesù bħala dak li kitbu fuqu kemm Mosè fil-liġi u l-profeti fil-kotba tagħhom; fih twettqu l-kitbiet tagħhom; huwa dak li kellu jiġi. Jgħidlu wkoll min kien għan-nies ta’ żmienu, li kien minn Nazaret u bin Ġużeppi.

Natanjel ma jimpressjonax ruħu. Jidher li Nazaret ma kienx xi raħal ta’ fama tajba u għalhekk wieġbu, forsi b’ironija, li minn Nazaret ma jista’ joġroġ xejn tajjeb. It-twettiq tal-liġi u l-profeti r-raħal minn fejn kien ġej Ġesù, ma tantx kienu jaqblu bejniethom. Donnu ried jgħidlu: naħseb Alla jaf jagħżel aħjar minn hekk. Il-preduġizzju tiegħu għelbu u quddiem dan il-preġudizzju Filippu ma jargumentax. It-tweġiba tiegħu hija l-istess bħal dik ta’ Ġesù stess liż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni: Ejja u ara.

Il-preġudizzji tagħna jżommuna lura ħafna, ma jħalluniex insiru nafu iktar, jagħlqulna l-bibien tal-possibiltajiet kollha li jinfetħu quddiemna, anke l-grazzja ta’ Alla stess.

Kif jara lil Filippu riesaq lejh, Ġesù jurih li jafu. “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” Jidher kunrast qawwi bejn l-opinjoni ppreġudikata li wera Natanjel fuq Ġesù u d-dikjarazzjoni tal-għarfien tal-qalb ta’ Natanjel minn Ġesù. Ġesù mhux ippreġudikat; Ġesù jagħaraf is-sabiħ u t-tajjeb li jiġi minn ġewwa. U dan jgħaġġeb lil Natanjel. Xi ftit umiljat ukoll, Natanjel, jiddikjara l-konvinzjoni tiegħu: “Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!”

l-esperjenza personali ma’ Ġesù turina min tassew hu. Ma nsiru nafuh qatt jekk ma niltaqgħux miegħu. Mhux biżżejjed li nisimgħu fuqu, lanqas li nisimgħu lilu. X’jiswa jekk tisma’ fuq xi ħadd jekk mhux biex tibla l-esperejnza u l-ġudizzji ta’ ħaddieħor! X’jiswa li tisimgħu jitkellem imma ftit li xejn tagħti kas ta’ dak li jgħid u tibqa’ tagħmel li jfettillek!

Sa mill-bidu tal-evanġelju tiegħu, Ġwanni jurina żewġ affarijiet importanti: min hu Ġesù u xinhu l-għan tiegħu, u li jekk trid issir taf min hu tassew trid tagħmilha miegħu.

One thought on “L-Evanġelju tal-Ġimgħa 24 t’Awwissu 2018”

  1. Jolqotni hafna il-kumment dwar il-pregudizzji ghax dawn huma tassew ostakli

Leave a Reply

%d bloggers like this: