Ix-Xjenza u l-Fidi

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Qegħdin fi żmien meta x-xjenza u t-teknoloġija qegħdin jagħmlu passi ta’ ġgant. Ikun xieraq li nagħtu ħarsa nisranija lejn dawn il-mezzi.

Ix-xjenza turina l-kobor ta’ Alla. Turina kif jaħdem aktar eżatt l-univers u l-bniedem. Iżda jista’ jiġri li lil xi wħud ix-xjenza ttellfilhom il-fidi. Dan jiġri meta jħarsu lejn l-univers u l-bniedem b’mod materjalistiku. Jibdew jaraw liġijiet fissi u li jaħdmu mingħajr l-intervent ta’ Alla.

Tajjeb li nifhmu li x-xjenza tiddeskrivi l-ħolqien u tkun toħroġ mill-kamp tagħha meta tipprova tgħid li kollox inħalaq waħdu. Jista’ jkun ukoll li l-poplu kien ifittex soluzzjoni reliġjuża għal problemi mediċi. Nispjega aktar. Fi żmien meta ma kienx hawn mediċini, waqt il-mard jew epidemiji, il-poplu kien jirrikorri għand Alla. Illum jirrikorri għand it-tobba għal xi marda jew għall-mezzi sanitarji f’każ ta’ epidemija.

Niftakru li x-xjenza hija frott tal-istudju u l-ħila tal-bniedem. Biex għandna x-xjenza tal-lum, min jaf kemm studjużi ddedikaw ħajjithom biex jistudjaw. Dan kollu jurina l-għerf li Alla ta lill-bniedem.

Huwa fil-pjan ta’ Alla li l-bniedem jistudja u jaħdem biex iġib id-dinja ‘l quddiem. Qegħdin fil-bidu ta’ sena skolastika oħra.  Għalhekk nistedinkom biex tħeġġu lil uliedkom biex jieħdu l-istudju bis-serjetà. B’dan il-mod ikunu qegħdin jitgħallmu huma u ‘l quddiem, b’dak li jafu, ikunu ta’ servizz għall-oħrajn.

Meta nsemmu l-istudju ma nistgħux ninsew it-tagħlim dwar Alla. Żgur li t-tfal u l-istudenti kollha ma jiffurmawx ruħhom jekk ma jsirux jafu u jħobbu aktar lil Alla. Għalhekk inħeġġeġ lill-ġenituri biex jaraw li uliedhom jitilgħu b’karattru reliġjuż sod u li Alla jkun iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

—————–

Nota mill-Editur tal-Laikos:- Fil-paġna tal-Videos on demand tal-Laikos hemm taqsima propju dwar is-suġġett ta’ Fidi u Xjenza.  Klikkja hawn … http://www.laikos.org/tvl-vod.htm

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading