F’qalb il-bniedem hemm battalja eterna bejn tajjeb u ħażin


It-Tlieta 4 ta’ Settembru. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-qalb tal-bniedem tixbah ‘kamp tal-battalja’ fejn jitqabdu żewġ ‘spirti’ differenti: wieħed hu dak ta’ Alla li jmexxina lejn l-opri tajba bħall-karità u l-fraternità, u l-ieħor hu dak tad-dinja, li jimbuttana lejn il-vanità, il-kburija, is-suffiċjenza, it-tqassis u t-tlablib fil-vojt.

Il-Papa Franġisku għamel din l-osservazzjoni dalgħodu, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Il-Papa beda r-riflessjoni tiegħu mill-ewwel qari li fih l-Appostlu Pawlu jgħallem lill-Korintin it-triq biex ħsiebhom ikun dejjem fi Kristu; mixja li l-karatteristika tagħha hi t-telqa sħiħa fl-Ispirtu s-Santu.

Infatti hu l-Ispirtu s-Santu li jmexxina biex insiru nafu lil Ġesù, u biex ikollna l-istess sentimenti tiegħu li bihom nifhmu qalbu.

Il-bniedem mitluq għall-forzi tiegħu biss ma jifhimx lill-Ispirtu s-Santu, osserva Franġisku. Hemm żewġ spirti, żewġ modi ta’ kif naħsbu, inġibu ruħna u nħossu: dak li jmexxini lejn l-Ispirtu t’Alla u dak li jressaqni lejn l-ispirtu tad-dinja. Dan jiġri matul ħajjitna. Ilkoll kemm aħna għandna fina dawn iż-żewġ spirti, biex ngħidu hekk.

L-Ispirtu t’Alla jmexxina lejn l-opri tajba, lejn il-karità, lejn il-fraternità; iwassalna biex naduraw lil Alla, biex insiru nafu lil Ġesù, biex nagħmlu ħafna opri ta’ karità, biex nitolbu.

L-ispirtu l-ieħor, dak tad-dinja, imexxina lejn il-vanità, l-arroganza, it-tlablib żejjed: triq differenti għal kollox. Qalbna tixbah kamp tal-battalja, kamp tal-gwerra fejn jitqabdu dawn iż-żewġ spirti.

Għalhekk, fil-ħajja nisranija hemm bżonn nitqabdu biex nagħmlu wisa’ lill-Ispirtu t’Alla u nitbiegħdu mill-ispirtu tad-dinja. Huwa eżami tal-kuxjenza li għandu jsir kuljum, issuġġerixxa l-Qdusija Tiegħu.  Dan jgħinna nindunaw liema jkunu t-tentazzjonijiet, niċċaraw il-mod ta’ kif iġibu ruħhom dawn iż-żewġ spirti kuntrarji għal xulxin.

Sempliċi ħafna: għandna dan id-don kbir li hu l-Ispirtu t’Alla, imma aħna dgħajfa, midinbin u jkollna t-tentazzjoni mill-ispirtu tad-dinja wkoll. F’dik it-taqbida spiritwali, f’dil-gwerra tal-ispirtu, jeħtieġ li noħorġu rebbieħa bħal Ġesù.

Kuljum, filgħaxija, temm il-Papa Franġisku, in-Nisrani għandu jaħseb dwar il-ġurnata tiegħu biex jifhem jekk għelbuhx il-vanità u s-suppervja inkella jekk irnexxilux jimita lil Iben Alla.

Nagħrfu dak li qed jiġri f’qalbna. Jekk dan ma nagħmluhx, jekk ma nkunux nafu x’qed jiġri f’qalbna – u din mhux jien qed ngħidha imma tgħidha l-Bibbja – inkunu bħall-annimali, li ma jifhmu xejn, li jimxu biss bl-istint.

Iżda aħna m’aħniex annimali, aħna wlied Alla, mgħammdin bid-don tal-Ispirtu s-Santu. Għaldaqstant hu importanti li nifhmu xi jkun ġara f’qalbna matul il-ġurnata. Jalla l-Mulej jgħallimna nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza kuljum.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.