L-Ispirtu s-Santu hu l-ħmira li ssalva lin-nisrani


Il-Ġimgħa 19 ta’ Ottubru 2018. Nibqgħu dejjem mexjin ‘il quddiem ‘bil-ħmira tal-Ispirtu s-Santu’ li jmexxina lejn dak il-wirt li ħallielna lkoll il-Mulej.  Din kienet l-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Qdusija Tiegħu għamel riflessjoni dwar il-Vanġelu skont San Luqa u osserva li fih naraw żewġ tipi ta’ persuni li jikbru b’mod differenti, oppost għal xulxin.

Ġesù jitkellem dwar il-ħmira li ‘tgħolli’ iżda, qal Franġisku, hemm ukoll il-ħmira ħażina li tirvina, li tkabbar fid-direzzjoni l-ħażina.  Hija dik tal-Fariżej, tad-dutturi tal-Liġi ta’ dak iż-żmien, tas-Saduċej, jiġifieri ‘l-ipokrisija’.

Huma nies, spjega l-Papa, magħluqin fihom infushom, li moħħhom biss fl-apparenzi: jagħtu l-karità u jdoqqu t-trombi biex jidhru.  Dawn in-nies moħħhom biex iħarsu dak li għandhom fihom, l-egoiżmu tagħhom, is-sigurtà personali.  Kull meta jsibu ruħhom f’xi diffikultà, bħal fil-każ ta’ dak ir-raġel li tħalla nofsu mejjet fil-ġenb tat-triq, jew inkella meta jiltaqgħu ma’ xi lebbruż, iħarsu n-naħa l-oħra, biex jimxu mal-liġijiet tagħhom.

Dil-ħmira, jgħid Ġesù, hija perikoluża.  Hija l-ipokrisija.  Ġesù ma jittollerahiex l-ipokrisija: id-dieher minn barra imma bi drawwiet ħżiena minn ġewwa.  Ġesù stess jgħid: ‘Minn barra tidhru sbieħ, bħall-oqbra, imma minn ġewwa hemm l-intiena, hemm it-tifrik.’  Din hi ħmira li tkabbar mingħajr futur għax m’hemmx futur fl-egoiżmu.

Imma naraw li tip ta’ persuna oħra għandha ħmira bil-maqlub ta’ din: ħmira li tkabbar fid-direzzjoni t-tajba, ‘il barra.  Anzi tkabbarna bħala werrieta, biex minnha nieħdu l-wirt.

Franġisku fakkar li fl-ittra lill-Efesin, San Pawl jispjega li aħna werrieta fi Kristu, predestinati.  Irid ifisser dawk in-nies li l-ħmira tagħhom tgħolli l-għaġna ‘l barra.  Kultant jiżbaljaw, imma jerġgħu jqumu; kultant jidinbu, imma jindmu.  Dawn huma nies ferrieħa għax lilhom kienet imwiegħda hena ferm akbar: li għad ikunu glorja, tifħir lil Alla.  Din hi l-ħmira, jgħid San Pawl, ta’ dawn in-nies tal-Ispirtu s-Santu, li timbuttana biex inkunu tifħir tal-glorja tiegħu, tal-glorja t’Alla, issokta jgħid Franġisku.

Is-siġill imwiegħed tal-Ispirtu s-Santu, iċċara l-Papa hu u jikkwota mill-ġdid lil San Pawl, huwa l-kapparra tal-wirt tagħna, aħna u nistennew ‘ir-redenzjoni sħiħa’.  Huwa Ġesù nnifsu, issokta l-Papa Bergoglio, li jridna dejjem f’mixja, magħġunin bil-ħmira tal-Ispirtu s-Santu, li qatt ma jgħolli l-għaġna ‘l ġewwa bħad-dutturi tal-Liġi, bl-ipokrisija.  Infatti l-Ispirtu s-Santu ‘jimbuttana ‘l barra’, lejn ix-xefaq.

Ifisser li Ġesù jrid li n-Nisrani, minkejja d-diffikultajiet, is-sofferenzi, il-problemi, il-waqgħat, jibqa’ miexi dejjem ‘il quddiem bit-tama li jikseb il-wirt, għax għandu l-ħmira li hi l-kapparra, li hi l-Ispirtu s-Santu.

Dawn huma ż-żewġ tipi ta’ persuni: waħda mmexxija mill-egoiżmu, moħħha biex tidher sabiħa, ekwilibrata, biex id-drawwiet ħżiena li għandha ġo fiha ma jidhrux.  Dawn huma l-ipokriti li Ġesù jwissina biex nitħarsu minnhom.

It-tip l-ieħor huma l-Insara.  Jeħtieġ li nkunu Nsara ta’ veru għax hemm Insara li huma ipokriti, li ma jaċċettawx il-ħmira tal-Ispirtu s-Santu.  Huwa għal dir-raġuni li Ġesù jwiddibna biex ‘nitħarsu mill-ħmira tal-Fariżej’.

Il-ħmira tal-Insara hija l-Ispirtu s-Santu, li jimbuttana biex noħorġu, li jgħinna nikbru, bid-diffikultajiet li nsibu fil-mixja, bid-dnubiet kollha, imma dejjem bit-tama.  L-Ispirtu s-Santu hu proprju l-kapparra ta’ dik it-tama, ta’ dak it-tifħir, ta’ dik l-hena.  Dawk in-nies li f’qalbhom għandhom il-ħmira tal-Ispirtu s-Santu, temm Bergoglio, huma henjin, minkejja l-problemi u d-diffikultajiet.  L-ipokriti nsew xi jfisser li tkun hieni.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.