L-Evanġelju tal-Ħadd 21 ta’ Ottubru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 10, 35-45

Għalkemm is-silta lituġrika mill-Evanġelju ta’ San Mark ma tinkuldix dak li seħħ sewwa sew qabilha, is-silta qsajra li nisimgħu illum fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija, taqdi s-sew ir-rwol ta’ sfond għal dak li jirrakkonta Marku. Iżaija jitkellem dwar ix-xorti tal-Qaddej tal-Mulej, li ma jirbaħx għax jiġġieled, iżda jirbaħ għax iħobb u għax iħobb, bata.

Fit-tlitt versi ta’ qabel f’kapitlu 10 (32-34) l-Evanġelista jqiegħed lil Ġesù tiela lejn Ġerusalemm, hu miexi quddiem u d-dixxipli miexja warajh. Waqaf u sejjaħ lejh lit-tnax u ħabbrilhom x’kien se jiġri, anzi, kważi kważi, x’kien meħtieġ li jġri. Fil-kliem ta’ Ġesù donnu hemm moħbija t-twissija dwar dak li ġej biex min kien qed jaħsibha jkomplix jimxi warajh, kien għadu fil-ħin biex jerġa’ lura; min kien se jiddeċiedi li jkompli, wara dak li kien se jiġri f’Ġerusalemm, ħajtu kienet se tinbidel ta’ taħt fuq.

San Mark jibda bl-ordni nsistenti tal-aħwa ulied Żebedew. Dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna. Jekk Pietru ftit qabel kien staqsa dwar x’se jiggwadanja għax telaq kollox u mara wara Ġesù, dawn ma staqsewx; dawn kellhom il-prezz f’idejhom. Irriduk tħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek. Aħna rridu nkunu ta’ warajk u ħaddieħor ma jkun jista’ joqgħod ħdejk. Kif semgħu li Ġesù kien qed ixomm li wasal tmiemu, ħatfu l-opportunità biex juru li riedu jeħdulu postu. Tant sikru bl-inbid tal-karriera ġdida li ħasbu li se tinfetaħ quddiemhom li lanqas irrejaliżżaw li Ġesù ma ħabbarx biss it-tbatija u l-mewt iżda ħabbar li fl-aħħar se jqum mill-mewt. Il-kilba għas-setgħa u l-glorja għamewhom għal dak li fil-fatt kien qed iħabbar Ġesù. Il-kilba għas-setgħa u l-glorja itellfu kull raġuni u jnessu l-verità tal-fatti, iġiegħlu lill-bniedem jisma’ dak li jrid jisma’ u jara dak li jrid jara.

Għalkemm l-għaxra l-oħra saħnu bl-ikrah għalihom, kienu maħdumin mill-istess pezza drapp. Ma kienx hemm wisq minn fejn tagħżel minnhom; ilkoll kellhom l-aġenda moħbija tagħhom; ix-xewqa li jkunu quddiem nett, u mhux biss, iżda quddiem nett qabel l-oħrajn.

Għat-tieni darba fi ftit versi (l-ewwel darba eżatt qabel ħabbar il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet) Ġesù, minflok bagħthom jixxejru, jsejħilhom lejh. Il-paċenzja tiegħu u l-mogħdrija għal dak li jħossu u l-mod goff kif jesprimuh, ma jitwemmnux. Isejħilhom u ma jċanfarhomx, ma jużax magħhom l-istess lingwaġġ goff tagħhom.

Lil Ġwanni u lil Ġakbu jistaqsihom dwar jekk kienux lesti li jgħaddi minn dak li kien se jgħaddi hu, avolja kien jaf li biex jiksbu dak li riedu kienu lesti jgħidu iva għal kollox u t-tweġiba tagħhom jilqagħha u jikkonfermaha; kien jaf li huma wkoll se jgħaddu minn dak li jgħaddi hu, għax kien jafhom biżżejjed, u iktar minn hekk, kien iħobbhom u l-imħabba telgħeb kull xkiel, anke l-iktar iebes.

Lit-tnax jurihom kif kien qiegħed jirraġuna hu, kif jirraġuna Alla f’kuntrast ma’ kif jirraġunaw il-bnedmin. Is-setgħa tal-bnedmin titnissel u titrabba bil-bluha tal-bnedmin li jemmnuhom. Id-demokrazija fi żmien Ġesù kienet għada tarbija u f’ħafna soċjetajiet il-poplu ma kienx jagħżel lil min imexxih, iżda kienu jkunu mposti fuqhom, iżda xorta waħda kien hemm min, fil-bluha tiegħu, għax jaħseb li jista’ jaqbillu, iċapċap u jgħolli lil min ikasbru u jmexxih minn imnieħru mingħajr ma jaħseb u jagħrbel dak li jkun qed jiġri fil-fatt. Iktar kemm il-bniedem jisserdak fuq l-oħrajn, iktar isib min iħares lejh biex jitkarrab mingħandu dak li hu tiegħu bi dritt u dan iċ-ċapċip iktar jgħolli ’l fuq lil min jirnexxilu jserraħ riġlejh fuq il-pedestall tas-setgħa u jqiegħdu fis-sod; iktar kemm il-bnedmin juru d-dipendenza tagħhom fuq min imexxihom, iktar min imexxi jista’ jserraħ rasu mill-pożizzjoni komda iżda perikoluża tiegħu.

Għalkemm illum qed ngħixu elfejn sena wara li ingħad dan il-kliem, kulħadd fid-dinja jaf x’jiġifieri għax il-bniedem ma jinbidilx u l-istorja tirrepeti ruħha. Anke llum hawn min lest ibiegħ ruħu biex jikseb is-setgħa fuq il-bnedmin. U llum ukoll hawn min li lest ibiegħ l-intelliġenza tiegħu, biex jgħolli ’l fuq li min lest li jqarraq bih biċ-ċejċa u jieħdu kollu kemm hu.

Is-setgħani ta’ żmienna jwiegħedek kollox biex jieħu lilek iżda Ġesù jagħtik lilu nnifsu biex kollox ikun tiegħek.

Jista’ qatt ikun li din il-ħaġa tieqaf? Jista’ jkun u Ġesù jgħidilna kif. Mhux billi nisħqu li ħaddieħor m’għandux jibqa’ kbir iżda billi naqdu lil xulxin, li tfisser li ġġib ruħek bħalu lima ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Id-dinja u l-istorja ma jinbidlux għax jinbidel iż-żmien, dik skuża dgħajfa u nsipida li ma jemminha ħadd għalkemm ħafna jikkwotawha; lanqas jinbidlu għax jinbidlu l-mexxejja, għax il-mexxejja kuntenti li l-gwadann, tajjeb u mhux, li kienu jagħmlu ta’ qabilhom, issa jistgħu jagħmluh huma, tajjeb u mhux; lanqas jinbdilu għax il-ħseib isir iktar liberali jew konservattiv, għax niftħu l-vit u nħallu l-ilma ġiereġ nl-addoċċ jew jagħqluh u nissikawh għal kollox. Id-dinja u l-istorja jinbidlu meta kull bniedem jiddeċiedi li jibda jħobb tassew lil kulħadd u jaqdi tassew lil kulħadd, meta l-bnedmin l-oħra jsiru aqwa minni, meta l-bnedmin jibdew jiftaħru bil-paċenzja mhux bi-nervi, meta jibdew iħaddmu s-sabar mhux ir-rabja.

Fostkom hekk għandu jkun għax intom m’intomx bħal kulħadd.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading