L-Evanġelju tal-Erbgħa 31 ta’ Ottubru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 13, 30

Dejjem nieżel lejn Ġerusalemm u f’Ġerusalemm hemm il-magħmudija li biha xtaq jitgħammed u qalbu mmlija dieqa sa ma jseħħ dak li qlabu kienet mikluba li jseħħ. Mistoqsija bħal din li għamillu dan ir-raġel, fakkret lil Ġesù, jekk qatt kellu bżonn min ifakkru dwar l-għan ta’ dak li kien sejjer iwettaq. Ftit huma dawk li jsalvaw? Le, mhux biżżejjed li hu jmur Ġerusalemm biex jagħti lilu nnifsu f’idejn dawk li kellhom il-ħsieb li jeqirduh minn fuq wiċċ l-art.

Hawn min jaħseb li l-ħniena ta’ Alla hija biżżejjed. Hawn min jaħseb li dak li għadda minnu Ġesù sas-s-salib u fuqu, u l-qawmien tiegħu mill-imwiet huwa biżżejjed biex kulħadd isalva. Iżda Ġesù juri ċar u tond li hu jsalva lil kulħadd jekk kulħadd ikun irid, jekk kulħadd jitħabat biex jidħol mill-bieb id-dejjaq. Mhux kemm timxi fit-tul jgħodd, iżda li fl-aħħar mill-aħħar tgħaddi mill-bieb it-tajjeb, mill-bieb, li għalkemm jidher dejjaq u skomdu, li ma jidhirx importanti f’għajnejn dawk li jfittxu l-glorja, għax dawk jgħaddu mill-bibien il-wiesgħa biex jidhru, huwa l-bieb li jiftaħ quddiem min jgħaddi minnu glorja ikbar, il-glorja li hi ta’ Alla u li jagħtiha lil min jaf jagħraf mhux wisq il-bieb minn barra, iżda dak li hemm warajh.

Le mhux biżżejjed li tiekol fl-istess mejda u lanqas hu biżżejjed li tisma’; henjin dawk li jmorru għall-ikla libsin xieraq u henjin iżjed dawk li jisimgħu u jwettqu dak li jisimgħu. Min jixhed għalij aquddiem il-bnedmin nixhed għalih quddiem il-Missier. Li tkun dixxiplu ma jfissirx li tkun spettatur indifferenti. Il-frażi: jien kattoliku prattikanti ma tiġġustifikax li tagħmel li jfettilek. Bil-kliem nistgħu ngħidu ħafna affarijiet iżda meta niġu għall-fatti donnu hemm baħar jaqsam.

Kultant ma tistax ma tiskantax kif hawn min għandu l-wiċċ jisraq il-fama ta’ Ġesù u mbagħad jgħajjar u jżeblaħ bl-addoċċ. Biex insemmu ħaġa waħda minn ħafna: tistgħaġeb kif tiftaħ paġni fuq il-media soċjali u ssib imċappsa ma’ wiċċek xi wiċċ ta’ Kristu jew xi xbieha tal-Madonna u mbagħad fl-istess paġna, ssib kummenti degradanti dwar bnedmin li ħafna drabi lanqas biss inkunu nafuhom, aħseb u ara kemm ikunu għamlulna xi ħaġa; kummenti dispreġativi kontra min ma jaqbilx magħna, jew inħossuh skomdu meta jitkellem biex juri kif jaħsibha hu, eżatt eżatt kif nagħmlu aħna. Kif nista’ ngħid li smajtu lil Ġesù jitkellem u li kilt miegħu u nippretendi li, malli nħabbat, jiftaħli u jdaħħalni sal-kamra ta’ ġewwa, jekk kif idawwar wiċċu, u kultant f’wiċċu stess, lest li nagħmel il-kuntrarju ta’ dak li qed jgħid? Kif nista’ nippretendi li jiena familja, meta nuża l-immaġinazzjoni u l-fantasija kollha tiegħi biex dik l-istess familja nkissirha minn quddiem monitor?

Mhux ta’ b’xejn li hu stess jgħid li jien wiċċ b’ieħor. Nista’ nilbes l-iktar ilbies altruista li jeżisti; mhux l-ilbies jgħodd, imma dak li nagħmel. Ġesù kapaċi jara x’jaħbi t-tlellix tal-ilbies, u mhux Ġesù biss. Ma nafx mnejn intom, imma naf min intom.

Is-salvazzjoni ma tinkisibx bl-ipokrisija, u l-konsistenza bejn dak li ngħidu li nemmnu u dak li ngħidu u nagħmlu trid tidher, u biex tidher trid tkun hemm. Ħafna jgħixu b’mingħalihom. Imma min jgħix mingħalih ta’ b’mingħalih jieħu. M’aħniex boloh. L-ipokrisija f’ħaddieħor għandna ħila narawha minn seba’ mili bogħod u mhux biss nitbiegħdu kemm nistgħu minnha imma nsawtuha kemm nifilħu. Imma, ngħid jien, jekk għandi l-ħila nara l-wiċċ b’ieħor ta’ ħaddieħor minn qabel jasal ħdejja, m’għandix ħila nara l-ipokrisija tiegħi. Faċli ħafna tipponta subgħajk u tistħajlek xi messija. Iżda l-Messija wieħed hu u l-ħniena tiegħu hija kkundizzjunata minn ħaġa waħda: il-ħniena tiegħek. Aħfrilna BĦALMA naħfru.

Mulej, jien se nsalva? Minnek jiddependi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.