M’għandniex nagħmlu lista tal-prezzijiet għas-Sagramenti


Il-Ġimgħa 9 ta’ Novembru 2018. Fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku kkummenta dwar l-episodju evanġeliku tat-tisfija tat-tempju. Franġisku stieden lil kulħadd biex jirrifletti dwar ir-rispett li aħna għandna lejn it-‘tempji’ tagħna.

Il-knejjes għandhom ikunu ‘dar t’Alla’ mhux ‘swieq’ jew salotti soċjali dominati mill-mondanità. Il-Papa Franġisku spjega r-raġunijiet għala Ġesù kien daqstant goff meta keċċa lill-bejjiegħa mit-tempju. Iben Alla, qal il-Papa, hu mqanqal mill-imħabba, miż-żelu għad-dar tal-Mulej li bidluha f’suq.

Kif daħal fit-tempju fejn kienu qed ibiegħu ‘barrin, ngħaġ u ħamiem’, fil-preżenza ta’ dawk li kienu jsarrfu l-flus, Ġesù jagħraf li dak il-post kien miżgħud bl-idolatri, nies lesti biex jaqdu l-flus minflok lil Alla. Wara l-flus hemm l-idolu – irrimarka Bergoglio – għax l-idoli dejjem huma tad-deheb. U l-idoli jagħmluk ilsir.

Dan jiġbdilna l-attenzjoni u jġagħalna nirriflettu dwar kif nittrattaw it-tempji tagħna, il-knejjes tagħna: jekk humiex verament id-dar t’Alla, djar tat-talb, ta’ laqgħa mal-Mulej; jekk għas-saċerdoti din hix l-ewwel prijorità, inkella jekk (it-tempji) jixbhux is-swieq. Naf, jien stess rajt xi drabi – mhux hawn f’Ruma, iżda post ieħor – il-lista tal-prezzijiet. Kif, is-Sagramenti trid tħallas għalihom? Le, dik hija offerta.

Imma jekk jiena rrid nagħti offerta – li għandi nagħtiha – għandi nqegħidha fil-kaxxa tal-offerti, bil-moħbi, biex ħadd ma jkun jaf kemm tajt. Illum ukoll hemm dal-periklu: ‘Imma għandna bżonn inżommu l-knisja fi stat tajjeb.’ Iva, iva, hekk hu! Ħa jagħmlu dak il-fidili, imma fil-kaxxa tal-offerti, mhux skont il-lista tal-prezzijiet.

Il-Qdusija Tiegħu wissa wkoll biex noqogħdu attenti mit-tentazzjoni tal-mondanità. Naħsbu ftit dwar iċ-ċelebrazzjoni ta’ xi Sagrament, xi tifkira fil-knisja fejn tmur.  B’li tara lanqas tagħraf jekk l-imkien tal-kult hux id-dar t’Alla jew xi salott soċjali. Hemm ċelebrazzjonijiet li jersqu aktar lejn il-mondanità. Huwa minnu li ċ-ċelebrazzjonijiet għandhom ikunu sbieħ – sbieħ, imma mhux mondani, għax il-mondanità tiddependi mill-alla flus. Hija wkoll idolatrija. Dan iġiegħel lilna wkoll naħsbu: kif inhu ż-żelu tagħna għall-knejjes tagħna, ir-rispett li għandna meta nidħlu hemmhekk?

F’dal-punt il-Papa kompla r-riflessjoni mnebbaħ mill-ewwel qari meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, u spjega li l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna tirrappreżenta ‘tempju’: it-tempju t’Alla. Minkejja li nagħrfu li aħna lkoll midinbin, kull wieħed u waħda minna għandu jgħarbel qalbu biex jara jekk hix maħkuma mill-mondanità jew l-idolatrija.

Jien ma nistaqsix liema hu d-dnub tiegħek, liema hu d-dnub tiegħi. Nistaqsi jekk fik hemmx l-idolu, jekk hemmx l-alla flus. Għax meta hemm id-dnub, hemm ikun hemm il-Mulej Alla bil-ħniena tiegħu li jaħfer jekk inti ddur lejh. Imma jekk hemm l-alla l-ieħor – il-flus – int idolatra, jiġfieri korrott; mhux biss midneb imma korrott ukoll. L-għerq tal-korruzzjoni huwa proprju l-idolatrija li tfisser li int bgħett qalbek lill-alla flus, lill-alla poter. B’hekk int tkun idolatra.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.