L-isqof hu qaddej mhux prinċep


It-Tnejn 12 ta’ Novembru 2018. Fl-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku bena r-riflessjoni tiegħu fuq l-ittra ta’ San Pawl lil Titu. Il-Papa Franġisku ta profil tal-figura tal-Isqof.

Il-Knisja twieldet, osserva l-Papa, fost ħafna fervur u diżordni, iżda fiha twettqu ħwejjeġ meraviljużi. Dejjem hemm il-konfużjoni iżda bil-qawwa li tiġina mill-Isirtu s-Santu m’għandniex għalfejn nibżgħu, għax dak hu sinjal sabiħ.

Il-Knisja, afferma l-Papa, ma twelditx kollox fl-ordni, kollox floku, mingħajr problemi, u nieqsa mill-konfużjoni. Dil-konfużjoni, dan id-diżordni jeħtieġ li jirranġa ruħu, għax hu bżonn li jkun hemm l-ordni. Jekk naħsbu ftit fl-ewwel Konċilju ta’ Ġerusalemm niftakru li kien hemm taqbida bejn min ried jagħti d-direzzjoni u min ma riedx. Naraw li għamlu Konċilju u qiegħdu l-affarijiet f’posthom.

Għal dir-raġuni, issokta l-Papa Franġisku, Pawlu ħalla lil Titu fi Kreta biex iġib l-ordni u fakkru li l-ewwel ħaġa li tgħodd hija l-fidi. Fl-istess waqt tah xi kriterji u tagħlim dwar il-figura tal-isqof bħala ‘amministratur ta’ Alla’.

Pawlu jikteb li l-isqof huwa amministratur ta’ Alla; mhux tal-ġid tad-dinja, tal-poter, imma ta’ Alla. Għandu dejjem jikkoreġi lilu nnifsu u jistaqsi: ‘Jien amministratur ta’ Alla jew negozjant?’ Bħala amministratur ta’ Alla, l-isqof għandu jkun bniedem li ma ssibx xi tmaqdar fih.  Din hi l-istess kelma li Alla talab minn Abraham: ‘Imxi fil-preżenza tiegħi u kun bniedem li ħadd ma jsib xi jgħid fik.’ Din hi l-kelma li ssawwar il-mexxej, il-kap.

Il-Papa fakkar ukoll x’ma għandux ikun l-isqof. Ma jridx ikun arroganti, supperv, ma jagħdabx, u mhux sakranazz, wieħed mill-vizzjijiet l-aktar komuni fi żmien Pawlu. Ma jridx ikun negozjant u lanqas marbut mal-flus. Isqof bħal dan ikun traġedja għall-Knisja, anke jekk ikollu wieħed biss minn dawn id-difetti.

Minflok, l-isqof għandu jkun bniedem ta’ laqgħa, iħobb dak li hu tajjeb, moħħu f’postu, ġust, qaddis u bil-ħila li jikkontrolla lilu nnifsu, fidil lejn il-Kelma, den tal-fidi li għaddewlu.  Dawn huma l-karatteristiċi tal-qaddej t’Alla. Dan hu l-profil tal-isqof. U meta jsir l-istudju biex jinħatru l-isqfijiet, ikun tajjeb li mill-ewwel isiru dawn il-mistoqsijiet, biex wieħed jara jekk ikunx għaqli li l-istudju jibqa’ għaddej.

Iżda fuq kollox, kompla jgħid Bergoglio, irid jidher li l-isqof huwa umli, manswet, qaddej, mhux prinċep. Din hi l-Kelma t’Alla. Issib min jgħid: ‘Iva, għax mill-Konċilju ‘l hawn jeħtieġ isir hekk u hekk.’ Le, enfasizza Franġisku, dan ilu jsir minn żmien Pawlu, din mhix xi novità ta’ wara l-Konċilju. Dan ilu jsir sa mill-bidu tal-Knisja, sa minn meta l-Knisja ndunat li kellha tirregola isqfijiet ta’ din ix-xorta.

Fil-Knisja ma nistgħux inġibu l-ordni jekk l-isqfijiet ma jkollhomx dan l-atteġġjament. Dak li jgħodd quddiem Alla, mhux li bniedem ikun simpatiku, jipprietka tajjeb, imma l-umiltà u l-qadi. Illum infakkru lil San Ġosafat, isqof u martri, temm jgħid il-Papa Franġisku, għalhekk nitolbuh għall-isqfijiet tagħna biex ikunu kif jgħid li għandhom ikunu l-Appostlu Pawlu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.