Il-Gwerra l-Kbira. Il-Kardinal Parolin jgħid li d-diplomazija tal-Vatikan hi l-awtur tal-paċi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2018: Il-Kardinal Segretarju tal-Istat tal-Vatikan indirizza Konvenju organiżżat mill-Kumitat Pontifiċju tax-Xjenzi Storiċi fl-Università Pontifiċja tal-Lateran bit-tema :Is-Santa Sede u l-kattoliċi fiż-żmien ta’ wara l-gwerra bejn l-1918 u l-1922.
Fid-diskors li għamel, il-Kardinal Parolin qal li dak iż-żmien is-Santa Sede kienet qed tifhem ċar it-taqlib kbir li ġab dal-kunflitt imma kienet imqanqla mill-ottimiżmu kattoliku lest biex jinfetaħ għal toroq ġodda.

Dak li ġara kien konferma tal-profezija tal-Papa Benedittu XV (Ħmistax) li stqarr li dik il-gwerra kienet “is-suwiċidju tal-Ewropa” għax magħha spiċċaw erba’ imperi ta’ dak iż-żmien: dak tedesk, l-awstro-ungariku, ir-russu u l-ottoman.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Ewropej afferma ruħu moviment sieket anti-kattoliku u beda sforz kbir biex Alla u l-Knisja tiegħu jitbarrew mill-ispazju pubbliku u mill-ħajja tal-bnedmin.

Iżda l-interess waħdieni tal-Knisja kien li ma jkollha ebda preferenza għal xi forma ta’ Stat jew istituzzjoni ċivili iżda tirrispetta dejjem id-dinjità tal-persuna umana u d-dritt tal-kuxjenza nisranija. Il-Papa Benedittu XV kien fehem li wara tmiem il-gwerra, il-protagonisti ewlenin tal-istorja kienu se jkunu l-popli, in-nazzjonijiet u l-komunitajiet soċjali l-kbar.

Kien mument fejn il-Knisja riedet tilqa’ l-għajta tad-dinja ġdida li kienet qed titwieled. L-għajta tal-libertà u tad-drittijiet fundamentali tal-miljuni ta’ suldati li reġgħu lura mit-trunċieri u tal-miljuni ta’ nisa li kellhom jeħdulhom posthom fil-familja sakemm żwieġhom kienu fil-kamp tal-battalja.
Kien iż-żmien meta d-diplomazija pontifiċja bdiet taħdem ħawtiela biex tkun il-medjatur tal-paċi, b’tant ġenerożità, li swietilha l-flus kollha li kellha. Il-papat kien qed jassumi rwol internazzjonali bħala awtorità morali u ta’ paċi għall-bnedmin kollha, permezz ta’ ħidma mal-potenzi, biex ikunu rispettati l-prinċipji tal-ġustizzja fir-relazzjonijiet bejn l-Istati u l-popli ħalli kulħadd ikollu sehem indaqs mill-ġid materjali.

Il-Knisja spiss sabet kritika qawwija u sfat persegwitata, tilfet ħafna mill-beni tagħha filwaqt li f’ċerti pajjiżi nħolqot dik li tissejjaħ “il-Knisja Nazzjonali”.
Il-Papa sab ruħu jiddefedni l-Knisja mill-impatt lajċista waqt li jilqa’ l-isfidi pastorali ġodda li nħolqu, fosthom in-nomina ta’ isqfijiet li jkunu tal-istess nazzjonalita ta’ fejn se jmexxu, ir-riforma fl-edukazzjoni u l-formazzjoni tal-kleru fi spirtu verament kattoliku.

Id-diplomazija Vatikana ma qagħditx lura lanqas milli tidħol fi djalogu mar-rivoluzzjonarji bolxeviti minkejja d-diffikultajiet Dan fisser li mir-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ 17-il Stat li kien hemm fl-1914, sal-1922 is-Santa Sede kienet waqqfet relazzjonijiet ma’ 27 pajjiż fosthom il-qawwiet il-kbar bħalma huma Franza u l-Gran Britannja li qabel il-gwerra kienu temmew ir-realzzjonijiet tagħhom mal-Papa.

Dan kollu juri, qal il-Kardinal Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, li beda jidher ċar mill-ġdid, li minkejja s-sħab iswed, il-Mulej kien għadu ma hediex jieqaf mal-Knisja tiegħu.

Mill-Kamra atl-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: