Il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2018: Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li l-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati qed tappoġġja dikjarazzjon inter-reliġjuża bla preċedent dwar ir-refuġjati, magħmula mill-Kunsill Żvizzeru tar-Reliġjonijiet li kapaċi tinfluwenza pajjiżi Ewropej oħra.
Dan id-Dokument ta’ 16-il paġna jagħmel ħames sejħiet konkreti għall-protezzjoni tar-refuġjati u kien iffirmat minn rappreżentanti ta’ sitt organiżazzjoniet Svizzeri mit-tliet reliġjonijiet ewlenin li huma l-Federazzjoni Svizzera tal-Komunitajiet Israeljani; Il-Konferenza Episkopali tal-Isvizzera u l-Federazzjoni tal-Knejjes Portestanti Svizzeri.
“Ir-Reliġjon u l-Fidi huma riżorsi li jistgħu jgħinu fl-integrazzjoni tar-refuġjati”, tgħid id-dikjarazzjoni. “Diversi komunitajiet reliġjużi jistgħu jservu bħala pont bejn in-nies tal-post u dawk li jaslu fih u b’hekk ikunu qed jikkontribwixxu għall-integrazzjoni.
“Il-kwestjoni tar-refuġjati tolqot lill-komunitajiet reliġjużi kollha li storikament kollha esperjenzaw l-emigrazzjoni u l-persekuzzjoni”, qal il-President tal-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Islamiċi fl-Iżvizzera, li hu wieħed mill-firmatarji tad-dokument.
L-Isqof Kattoliku Harald Rein u President tal-Kunsill Żvizzeru tar-Reliġjonijiet qal li “Għal-Lhud, Insara u Musulmani, kull bniedem hu ħolqien t’Alla u jinsab taħt il-protezzjoni tiegħu. Aħna li nemmnu għandna responsabbiltà speċjali lejn ir-refuġjati”.
Fid-dikjarazzjoni tagħhom il-mexxejja reliġjużi għamlu appelli konkreti lill-mexxeja politiċi Svizzeri dwar il-kwestjoni tar-refuġjati. L-Isvizzera, f’dawn l-aħħar snin laqgħet 3,500 refuġjat, li ħafna minnhom huma vittmi tal-ġlied fis-Sirja.
Il-mexxejja qed jappellaw għal proċeduti ġusti u effettivi dwar it-talb għall-ażil, integrazzjoni aktar rapida u protezzjoni adegwata għall-persuni, l-implimentazzjoni ta’ politika u trattament dinjituż lil dawk il-persuni li ma jissodisfawx il-kriterji biex ikunu aċċettati bħala refuġjati.
Il-firmatarji talbu lill-Gvern u lir-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi tagħhom jaħdmu fuq dawn il-ħames punti u nkoraġġewhom jieħdu inizjattivi ta’ solidarjetà u jimmoblizzaw fuq livell politku.
L-Isqof Charles Morerod ta’ Lusanne spjega li d-Dikjarazzjoni kienet qed tippreżenta serje ta’ proposti prattiċi lill-awtoritajiet bl-iskop li titjieb l-għajnuna lokali partikolarment fil-pajjiżi fejn hemm il-kunflitti.
“Skop ieħor hu li jitjiebu l-kundizzjonijiet li bihom jintlaqgħu fl-Isvizzera dawk li qed ifittxu ażil billi jkun hemm miżuri legali biex ikunu evitati t-traffikanti u miżuri oħra li jippromowvu l-integrazzjoni, inkluż korsijiet fil-lingwi u jipprovdu lir-refuġjati opportunitajiet ta’ xogħol u għixien mal-familji tagħhom.
Id-Dokument jista’ jitqies ukoll bħala pass ’il quddiem fid-djalogu inter-reliġjuż fl-Iżvizzera.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija