Il-Papa f’Santa Marta: Il-ġenerożità fl-affarijiet iż-żgħar


It-Tnejn, 26 ta’ Novembru: Fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum it-Tnejn 26 ta’ Novembru, il-Papa Franġisku talabna naraw kif nistgħu nkunu aktar ġenerużi mal-foqra bl-affarijiet iż-żgħar. L-għadu tal-ġenerożità, widdeb Franġisku, hu l-konsumiżmu, li nonfqu lil hinn minn dak li hu meħtieġ.

Ġesù juri l-kuntrast bejn l-għonja u l-foqra per eżempju bil-parabbola ta’ Lażżru u Epulun, jew inkella bl-istorja taż-żgħażugħ għani.

Huwa kuntrast li lil Ġesù jwasslu jistqarr li hu diffiċli li wieħed għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet. Xi ħadd jista’ jgħid li Ġesù kien komunista, osserva Franġisku, imma meta l-Mulej jgħid dawn l-affarijiet jaf li wara l-għana dejjem hemm spirtu ħażin, il-prinċep tad-dinja. Kien għalhekk li darba qal: Ma tistgħux taqdu żewġ sidjien: lil Alla u lill-flus.

Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum meħud minn San Luqa, hemm kuntrast bejn l-għonja li kienu jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju, u l-armla li tefgħet żewġ ċenteżmi. Dawn in-nies għonja huma differenti minn Epulun, issokta l-Papa. Jidhru nies tajbin li jmorru t-Tempju u jagħtu l-offerti. Għalhekk il-kuntrast hu ta’ natura differenti.

Meta jafferma li l-armla tefgħet aktar mill-oħrajn Ġesù jrid jgħidilna li tefgħet aktar minn ħaddieħor għax tat kulma kellha biex tgħejx. L-armla, l-orfni u l-migrant, l-istranġier, kienu fost l-ifqar fil-ħajja f’Iżrael tant illi meta kienu jitkellmu dwar il-foqra kienu jikkowtaw lilhom.

Dil-mara tat kulma kellha biex tgħejx għax kellha fiduċja f’Alla, kienet mara tal-Beatitudnijiet, ġeneruża ħafna: tagħti kollox għax il-Mulej hu akbar minn kollox. Il-messaġġ ta’ dal-pass tal-Vanġelu hu stedina għall-ġenerożità, issokta jgħid il-Papa.

Quddiem l-istatistika tal-faqar fid-dinja, quddiem it-tfal li jmutu bil-ġuħ, li m’għandhomx x’jieklu, lanqas mediċini, li nisimgħu dwarhom fl-aħbarijiet, ikun atteġġjament tajjeb jekk nistaqsu: Kif nista’ nsolvih dan? Dil-mistoqsija tinbet mill-ansjetà li nkun irrid nagħmel il-ġid. U meta persuna li għandha xi ftit flus tistaqsi lilha nfisha jekk dak li għandha hux biżżejjed, din tkun tiswa daqs iż-żewġ ċenteżmi tal-armla.

Is-sejħa għall-ġenerożità: ħaġa ta’ kuljum, ħaġa li rridu naħsbu fiha u nistaqsu kif nistgħu ngħinu, inkunu ġenerużi, mal-foqra, ma’ min hu fil-bżonn, kif nistgħu ngħinu aktar? Xi ħadd jista’ jgħidli li bil-ħniena jasal sal-aħħar tax-xahar. Imma jibqgħalek xi ħaġa żgħira tal-flus? Aħseb biex tkun ġeneruż bihom. Bl-affarijiet iż-żgħar: nagħmlu vjaġġ, per eżempju, fil-kmamar tagħna, fil-gwardarobba. Kemm-il par żarbun għandi? Xi ftit huma żejda, u jekk għandek ħafna agħti nofshom. Kemm ilbiesi li nużahom biss darba f’sena? Dan hu mod kif inkun ġeneruż: li nagħti minn dak li għandi, li naqsam mal-oħrajn.

Il-Papa rrakkonta li kien jaf mara li kull meta kienet tmur tixtri mis-supermarket kienet tixtri b’kemm jiswa għaxra fil-mija tan-nefqa biex ittihom lill-foqra, id-deċmi. Bil-ġenerożità nistgħu nagħmlu l-mirakli. Il-ġenerożità bl-affarijiet iż-żgħar. Forsi dan ma nagħmluhx għax lanqas jiġina f’moħħna iżda l-messaġġ tal-Vanġelu jġagħlna naħsbu: kif nista’ nkun aktar ġeneruż? Mingħajr titubanza, mingħajr biża’.

Hemm imbagħad marda oħra kontra l-ġenerożità: il-marda tal-konsumiżmu. Il-marda li dejjem irrid nixtri aktar. Meta kont Buenos Aires, qal Franġisku, kien hemm programm jismu “turiżmu-shopping” fejn ajrupaln mimli kien jagħmel vjaġġ ta’ xi għaxar siegħat bejn is-Sibt sal-Ħadd biex in-nies iqattgħu l-ħin ta’ tmiem-il ġimgħa jixtru minn pajjiż ieħor. Din tal-konsumiżmu hi marda kbira llum! Minix qed ngħid, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, li kulħadd jagħmel hekk! Imma l-konsumiżmu, li tixtri aktar minn dak li hu meħtieġ, hu nuqqas ta’ awsterità fil-ħajja. Dan hu l-għadu tal-ġenerożità. U meta naħseb fil-foqra u ntihom x’jieklu u x’jilbsu, huwa ġest li għandu konsegwenza oħra: jiftaħ il-qalb u jagħmlek aktar ġeneruż u ta’ qalb kbira.

Dan ifisser li jkollna qalb ġeneruża, kbira biex jidħol fiha kull min hemm bżonn. Dawk l-għonja li kienu jagħtu l-offerti kienu nies tajbin; dik l-armla kienet mara qaddisa. Fi tmiem l-omelija l-Papa stedinna biex induru dawra mad-dar u narawx’għandna żejjed u li jista’ jkun ta’ fejda għal min għandu bżonnu, biex ikollna ftit awsterità.

Jeħtieġ nitolbu lill-Mulej biex “jeħlisna” minn dak il-ħażen tant perikoluż: il-konsumiżmu, li jagħmlek ilsir, jagħmlek dipendenti, huwa marda psikika. Nitolbu dil-grazzja lill-Mulej: il-ġenerożità li tifħilna qlubna u tagħmilna ġenerużi u ta’ qalb kbira.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.