Avvent ma’ Marija – L-Ewwel Ġimgħa – Is-Sibt

Print Friendly, PDF & Email

BATTALA

“Għand xebba, mgħarrsa”. – Luqa 1:27

1 SibtFil-kontemplazzjoni klassika tagħha fuq Marija bl-isem The Reed of God, Caryll Houselander tikteb hekk: “Infittex kelma aħjar għal dik il-kwalità verġinali, u nsejħilha vojt”. Il-verġinità ta’ Marija nistgħu nifhmuha b’mod iktar personali jekk inħarsu lejn kif tbattlet għalkollox minnha nfisha.

Numri 30:4-6 jagħti normi għal mara Lhudija li tkun għamlet il-wegħda tal-verġinità perpetwa u l-konsagrazzjoni sħiħa lill-Mulej. Imkissra fl-għerf bibliku, il-Missirijiet Insara tal-bidu tal-Knisja kitbu li Marija għamlitha din il-wegħda ta’ konsagrazzjoni tat-Testment il-Qadim, u ħaddnet magħha l-milja tal-verġinità biblika. Fi kliem ieħor, Marija kienet ilha bil-fehma li tibqa’ verġni u kienet għamlet din il-wegħda lil Alla qabel u wara l-għerusija tagħha.

Il-verġinità ta’ Marija twassalna għall-mod kif hi tbattlet minnha nfisha. Kienet battala minn dak kollu li ma kienx ta’ Alla. Kienet battala minn kull ħaġa li setgħet iżżommha milli tibqa’ fl-għaqda intima tagħha mal-Missier. Iva, kienet battala, imma l-vojt tagħha ma kienx ifisser li kien jonqosha xi ħaġa. Il-vojt tagħha ġie mill-għaqda intima tagħha, għaqda hekk importanti għaliha li kienet għamlet wegħda ta’ verġinità anki bħala mara miżżewġa.

Ħafna minna jinfixlu għall-iċken ħsieb li jitbattlu. Dak il-bżonn sottili imma inkontrollabbli biex dejjem ikollna xi ħaġa li timliena hu epidemija li qed tkompli tinfirex bir-ritmu mgħaġġel li bih ngħixu. Niġu mħeġġa nimlew ħajjitna b’aktar u aktar biex ma jkollniex għax naffaċċjaw il-biża’ tagħna mill-vojt. Il-vojt u l-libertà li kellha Marija huma stedina għalina.

Minn xiex hemm bżonn nitbattlu f’ħajjitna? Biex qed nimlew ħajjitna, biex fl-aħħar mill-aħħar xorta nibqgħu nħossuna insodisfatti?

Qatta’ ftit żmien ma’ Marija, u staqsieha minn xiex hemm bżonn titbattal biex tista’ tirċievi kif għamlet hi.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 63. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 63. Imbagħad, itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek b’Luqa 1:27 u itlob lill-Ispirtu s-Santu jurik lil Marija f’Nazaret.

“Missier, nitolbok il-grazzja li llum inbattal qalbi minn kull ħaġa oħra li ma hix int”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: