Avvent ma’ Marija – It-Tieni Ġimgħa – It-Tnejn


ĊERTA

“Hienja dik li emmnet”. – Luqa 1:45

47577643_1066585396854077_2929830267591852032_nL-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa jgħinna nifhmu l-miraklu tat-tnissil fi ħdan Eliżabetta. Aktarx kellha fuq sebgħin sena. Meta Gabrijel għamel il-wegħda li Eliżabetta kienet tqalet, Marija emmnet. Meta ħarġet tħaffef lejn il-Lhudija, Marija kienet ċerta li Eliżabetta kienet tqila. Meta Marija ħalliet Nazaret biex tmur il-Lhudija, ma kellha l-ebda evidenza fiżika f’idejha. Ma setgħetx tara sinjali fiżiċi tal-istess tqala tagħha, lanqas setgħet tara lil Eliżabetta. Imma Marija kienet ċerta.

Meta waslet il-Lhudija, Eliżabetta laqgħet lil Marija bil-ferħ u xandritha bħala hienja, għax “hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1:45). L-espressjoni Griega tradotta “emmnet” turi ċertezza, konvinzjoni soda li ma teħtieġ l-ebda evidenza fiżika. Alla qalha, u Marija emmnitha. Hi kienet ċerta li hekk sa jseħħ. Iċ-ċertezza ta’ Marija ma kinitx dak li setgħet tara quddiemha; kienet ġejja minn dak li kien qed jagħmel il-wegħda. Marija hija ċerta, mhux minħabba dak li għamel Alla, imma għax kien Alla li qal li hekk ħa jsir.

Ħafna minna spiss talbu lil Alla għall-għajnuna. Imma meta nistaqsu, it-tweġiba taf ma tasalx meta nkunu nistennewha aħna. Iktar ma jgħaddi ż-żmien u t-talba tagħna tidher li ma ġietx mismugħa, iktar jidħol id-dubju f’moħħna. Nibdew naħsbu bejnna u bejn ruħna: “Tgħid Alla veru semagħni?”. Jew naħsbu: “Alla se jżomm il-wegħda tiegħu?”. F’Ħabakkuk 2:3, Alla jfakkarna li l-wegħda tiegħu “tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal”. Fi kliem ieħor, jekk Alla jagħmel wegħda, hi wegħda, anki jekk ma sseħħx bil-ħeffa li nkunu nixtiequ aħna. Jeħtieġ nemmnu li Alla hu fidil għal kelmtu. Fil-fatt, għandna għax inkunu ċerti.

Ilek ma titlob l-għajnuna lil Alla? Jekk tlabt, kif wieġeb Alla? X’qallek Alla bi tweġiba? Anki jekk għadek qed tistenna r-riżultat, stabar u kun ċert li dak li hu wiegħed se jseħħ. Int u tistenna, stenna ma’ Marija. Qatta’ ftit ħin magħha llum u stennew flimkien.

Marija tifraħ għal dak li Alla qed jagħmel, mhux għal xi staġun festiv jew ta’ vaganzi. Marija tifraħ bl-hena veru għax Alla qed iwettaq il-wegħda tiegħu.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bil-Ktieb ta’ Iżaija. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod Iżaija 55. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija f’Luqa 1:45. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, nitolbok li nagħraf kemm huma personali l-wegħdiet tiegħek għalija. Nitolbok turini kif int dejjem wettaqt il-wegħdiet tiegħek”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

One thought on “Avvent ma’ Marija – It-Tieni Ġimgħa – It-Tnejn”

Comments are closed.