Evanġelju tal-Ħadd 9 ta’ Diċembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 3, 1-6

It-tieni Ħadd tal-Avvent iressaqna iżjed lejn dak li ġie u dak li għandu jerġa’ jiġi. Is-silta minn San Luqa turina r-rejaltà ta dawn iż-żewġ miġjiet, waħda prova tal-oħra; la ġie u wiegħed li se jerġa’ jiġi, se jiġi żgur, m’hemmx dubju.

Alla jsir bniedem f’kuntest storiku, u l-fatt l-inkarnazzjoni sseħħ f’kuntest storiku, hija wkoll prova tal-umanità ta’ Kristu. Mhux Alla ’il bogħod mill-bniedem, anzi sar bħalna f’kollox minbarra fid-dnub.

Tiberju huwa l-imperatur ta’ Ruma, it-tieni wieħed wara Awgustu (li fi żmienu twieled Ġesù, waqt iċ-ċensiment imniedi minnu) bejn is-sena 14 u s-sena 37 wara Kristu. Tiberju ma kienx eredi dirett ta’ Awgustu iżda ġie adottat fil-familja tiegħu u sar Imperatur frott tat-taħwid politiku f’Ruma.

Ponzju Pilatu kien id-delgat ta’ Tiberju fil-Lhudija għal għaxar snin bejn is-sena 26 u 37. Il-Lhudija ma kienetx l-iktar reġjun faċli li tmexxi minħabba l-attitudni ribelluża tal-Lhud li qatt ma ħamlu li jkunu maħkuma. Dwar il-karattru tiegħu ma għandna ebda tagħrif storiku jew arkeoloġiku u ma nafux jekk il-ħatra tiegħu bħal Prefett jew gevrantur kienetx b’fiduċja minħabba l-qilla tiegħu jew b’kastig. L-evanġelji juruhulna bħala bniedem li jagħraf it-tajjeb mill-ħażin, imma nieqes mill-ħila, minħabba l-biża, li jwettaq dak li hu tajjeb.

Erodi Antipater jew kif inhu l-iktar magħruf Antipas, ma kellux ikun is-suċċessur ta’ Missieru Erodi l-Kbir. Seta’ jsir Sultan tetrarka (sultan fuq parti minn erba’) wara li ħutu ġew maqtula. Kien sultan bejn is-sena 6 u s-sena 29 u kell ħajja mqallba ħafna. Probabilment sar Sultan ukoll minħabba l-favoritiżmu tal-Imperatir Tiberju li għalih semma’ l-belt kapitali li bena fuq il-punent tal-baħar tal-Gallilija. Huwa dak li ordna l-qtil ta’ Ġwanni l-Battista minħabba r-relazzjoni illeġittima ma’ mart ħuh Filippu u dak li Ġesù deher quddiemu wara li bagħtu għandu Pilatu. Jidher, u wieħed jifhem għalfejn, li r-relazzjoni bejn Erodi u l-Prefett Pilatu ma kienet tajba xejn.

Anna kien Qassis il-Kbir mhux bis-saħħa tal-eredità iżda ġie maħtur minn Quirinius legat Ruman fis-sena 6. Dam qassis il-Kbir wara li tneħħa fis-sena 15 mill-prokuratur Gratus, probabilment minħabba l-influwenza kbira li kellu fuq il-poplu Lhudi. Minkejja dan xorta waħda baqa’ persuna politikament influwenti u kien imexxi hu għal ħafna snin permezz ta’ wliedu u żewġ bintu, li kienu qassisin il-kbar warajh. Fil-proċess mgħaġġel ta’ Ġesù, li seħħ fi żmien Kajfa, jidher ħafna bħaala dak li jmexxi, dak li kulħadd kien iħares lejh bħala l-awtorità vera fit-tmexxija tas-Sanhedrin.

F’dan l-isfond ta’ taħwid politiku, korruzzjoni u favoritiżmu, li juri wkoll dekadenza morali kbira, jidher mix-xejn Ġwanni l-Battista u San Luqa jurihulna bħala t-twettiq tal-profezija ta’ Iżaija. Ġwanni jissemma wkoll mill-istoriku Josefus u jitkellem dwaru bħala dak li kien iħeġġeġ lin-nies biex jgħixu ħajja tajba u ta’ virtù, kliem li kien idirizzat ukoll lill-Erodi minħabba l-ħajja mħawda tiegħu. Ismu jfisser ‘Alla li jħenn: Jo ħannan. Il-messaġ tiegħu huwa messaġġ ta’ ndiema u ħajja ġdida. Ġwanni ma kienx jippriedka u jgħammed f’post wieħed iżda kien jiġri ma tul ix-xmara Ġordan li tibda bejn wieħed u ieħor fejn illum huwa l-Libanu u tintemm fil-baħar il-mejt f’tul ta’ 251 kilometru u tgħaddi minn widien bejn għoljiet u muntanji, deżert u art għammiela. L-isfond grafiku tal-predikazzjoni ta’ Ġwanni ma kien iħalli ebda dubju f’moħħ min kien jsimigħu li dak li kien ħabbar Iżaija, kien qiegħed iseħħ fih.

F’dan l-isfond Alla jċarrat is-smewwiet u jinżel biex iġedded is-sejħa u l-istedina tiegħu, wara li bagħat ħafna qaddejja u lkoll ġew imkasbra jew maqtula. Kien issa wasal iż-żmein li jibgħat lil Ibnu stess.

Il-bnedmin huma kotra kbira ta’ ħlejjaq bil-fehmiet tagħhom u kull bniedem jippretendi li l-fehma tiegħu trid u għandha titwettaq, anke jekk tgħaffeġġ u tkisser u teqred bnedmin oħra. Bie xdawn il-fehmiet jitwettqu hemm battalja kontinwa sakemm fl-aħħar tidher li seħħet ir-rebħa ta’ fehma fuq oħra. Hemm fehmiet li jagħrfu d-dgħufija tagħhom u jagħżlu li jsħħu fehma waħda, dfik li tidher l-iktar qawwija, kultant anke jekk il-metodi u t-twemmin ta’ dik il-fehma huma moralment ħżiena u qerrieda. L-importanti li ma teqridx lilna, ħafna jirraġunaw, imma ftit jgħaddilhom minn quddiem għajnejhom li jekk fehma kienet kapaċi teqre doħra biex titla’ mqar terġa’ waħda ’l fuq, mhux se ssibha biex teqred oħra biex tkompli tiela. Ftit li xejn nirrejaliżżaw li l-mixja ’l fuq lejn il-quċċata tas-setgħa hija l-qerda mill-quċċata tal-irdum għal dawk li jimxuha.

Leħen Ġwanni huwa leħen l-ambaxxatur tal-imperatur li jmur qablu biex jirranġa t-toroq, jimla l-widien, biex ma jkunx hemm inżul, ibaxxi l-muntanji biex ma jkunx hemm tlajja, jiddritta l-mogħdijiet biex m ajkunx hemm dawrien żejjed u fejn hemm l-imħarbat jitwitta. Ir-rwol ta’ Ġwanni huwa ċar; mhx hu l-messija imma dak li ġie jħabbar iż-żjara tiegħu. F’qalbu hemm ix-xewqa: mhux li kien li dan il-poplu jagħraf is-swi taż-żjara li se ssirlu u għal din ix-xewqa jagħti ħajtu.

Hemm ħafna f’dan iż-żmien li jxbah lil żmieni, li jixbah lil żmienna. Imma s-siwi taż-żjara qed nagħrfu, qegħdin nagħrfuh?