Il-Knisja fl-Ewropa favur il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Emigrazzjoni


Il-Ħadd 9 ta’ Dicembru 2018: Il-Konferenzi tal-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej intrabtu li jappoġġjaw il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Emigrazzjoni li mistenni jkun adottat il-ġimgħa d-dieħla waqt laqgħa ta’ din l-organiżazzjoni dinjija.

Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li laqgħa li se ssir fil-Marokk bejn l-10 u l-11 ta’ dan ix-xahar mistennija tara stati membri tan-Nazzjonijiet Uniti jadottaw dan id-dokument li jipprovdi sett ta’ prattiċi tajba kif għandha tkun maniġġjata l-emigrazzjoni madwar id-dinja.  Madankollu jidher li n-numru ta’ pajjiżi li ma jaqblux ma’ dan id-dokument qed jiżdied.

Id-dokument jiġbor fih aktar minn 20 mira u jaħseb biex ikun hemm koordinazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi filwaqt li jħares lejn l-emigrazzjoni f’dawl pożittiv u jipproponi li jitjiebu d-drittijiet tal-emigranti u d-doveri tal-pajjiżi li jirċievuhom, filwaqt li jiġġieled l-emigrazzjoni illegali.

L-Arċisqof Jean-Claude Hollerich, President tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet fl-Unjoni Ewropea ikkonferma li l-Knisja Kattolika fl-Ewropa qed taqsam fir-responsabbiltà għall-emigranti u r-refuġjati fis-soċjetà Ewropea.

Hu nsista li l-emigranti m’humiex biss numri jew moda, imma persuni li għandhom wiċċ, isem u storja individwali u allura jixirqilhom li jkunu trattati skont id-dinjità umana u d-drittijiet fundamentali tagħhom.  Hu fakkar fl-appell tal-Papa Franġisku biex “nilqgħu, nipproteġu u nintegraw lill-emigranti u r-refuġjati”.

L-Arċisqof Hollerich iddikjara li l-prinċipju dwar iċ-ċentralità tal-persuna umana u tal-ġid komuni huma fundamentali għall-Unjoni Ewropea u l-politika interna u esterna tal-Istati membri anke fil-kwestjonijiet dwar l-emigrazzjoni. Hu nkoraġixxa lill-awtoritajiet politiċi nazzjonali biex fi kliem il-Papa Franġisku, jorbtu r-responsabbiltà għat-tmexxija globali tal-imigrazzjoni internazzjonali mal-valuri tal-ġustizzja, is-solidarjetà u l-kumpassjoni.

L-Arċisqof iddeskriva dan il-ftehim bħala “frott ta’ negozjati wiesgħa” u jaqsam ir-responsabbilta tal-awtoritajiet u soċjetajiet tal-pajjiżi mnejn jitilqu l-emigranti, il-pajjiżi mnejn jgħaddu u l-pajjiżi fejn jaslu biex flimkien jifformulaw u jirregolaw dan il-fenomenu għall-benefiċċju tal-persuni umani u l-komunitajiet involuti.

F’isem l-Isqfijiet Kattoliċi Ewropej hu appella lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea li jagħmlu suċċess minn dan il-Patt Globali għall-ġid komuni tal-umanità.

Mill-Kamra tal-A]barijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.