Il-Papa f’Santa Marta: Inħallu lil Alla jfarraġna


It-Tlieta, 11 ta’ Diċembru 2018: Fl-omelija li għamel it-Tlieta fil-kappellla tad-Dar Santa Marta, it-Tlieta 11 ta’ Diċembru, il-Papa Franġisku qal li l-Mulej ifarraġna bit-tenerezza, l-istess kif jagħmlu l-ommijiet meta jħaddnu ‘l uliedhom li jkunu qed jibku. Aħna għandna nħalluh ifarraġna mingħajr ma nagħmlu reżistenza.

L-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija hu stedina għal faraġ għax il-poplu ħallas għal ħtijietu. Hu l-faraġ tas-salvazzjoni, osserva Franġisku. Dawk l-erbgħin jum mad-dixxipli wara l-qawmien, Kristu għaddiehom ifarraġ lid-dixxipli tiegħu.

Imma aħna, issokta l-Papa, ma rridux nirriskjaw,għalhekk, nagħmlu reżistenza għall-faraġ qiesu li nsibuna aktar imkenna fil-baħar imqalleb tal-problemi, ruħna marbuta mad-deżolazzjoni, mal-problemi, mat-telfa, filwaqt li l-Mulej jaħdem bil-qawwa imma jsib ir-reżistenza. Dan narawh ukoll mill-atteġġjament tad-dixxipli fl-għodwa tal-Għid. Imma jien irrid immiss biex inkun ċert għax nibża’ minn xi telfa oħra. Aħna maħkumin minn dan il-pessimiżmu spiritwali, saħaq il-Papa.

Meta waqt l-udjenzi l-ġenituri jippreżentawli lil uliedhom biex imberikom, malli jarawni jibdew jibku għax jarawni liebes l-abjad u jaħsbuni tabib jew ners li jniggżuhom b’xi injezzjoni, u jaħsbu: le, marridx oħra!

Xi ftit jew wisq aħna nġibu ruħna hekk mal-Mulej, iżda Hu jgħidilna: Tfarraġ, tfarraġ, poplu tiegħi. U kif ifarraġ il-Mulej? Bit-tenerezza, lingwaġġ li l-profeti tal-iżventura ma jafuhx. Hi kelma li tgħib minħabba l-vizzjijiet kollha li jbegħeduna mill-Mulej: vizzjijiet klerikali, vizzjijiet tal-insara li ma jridux jiċċalalqu, bierdin… it-tenerezza tbeżża’.

Il-Mulej bi ħlasu miegħu u r-rebħa tiegħu tasal qablu: hekk smajna fl-ewwel qari ta’Iżaija. Bħar-ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu, bi driegħu jiġmagħha u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom. Dan hu l-mod kif ifarraġ il-Mulej: bit-tenerezza. It-tenerezza tikkunslak, Meta t-tfal jibku, l-ommijiet iħaddnuhom u jikkalmawhom bit-tenerezza: kelma li d-dinja tal-lum, fil-fatt ikkanċellatha mid-dizzjunarju.

Il-Mulej jistedinna biex inħalluh ifarraġna u dan jgħinna wkoll fit-tħejjija għall-Milied. Fit-talba tal-kolletta tal-ġurnata, fakkar il-Papa Franġisku, tlabna l-grazzja li nifirħu b’ferh sinċier, ferh sempliċi imma sinċier.

U jien inżid ngħid li n-nisrani għandu jgħix ħajtu mfarraġ anki fil-waqtiet koroħ. Il-martri kienu jidħlu fil-Kolossew ikantaw. Il-martri tal-lum – qed naħseb f’dawk il-ħaddiema Kopti li ħanxrulhom griżmejhom fuq ix-xatt fil-Libja – mietu bil-kliem Ġesù, Ġesù fuq fommhom.

Hemm faraġ ġewwieni; ferh anki fil-waqt tal-martirju. In-nisrani għandu jgħejx imfarraġ, ħaġa li mhix sempliċi ottimiżmu, hi xi ħaġa oħra għal kollox. Is-sies pożittiv hu l-faraġ. Nitkellmu dwar bnedmin imdawlin, pożittivi: imma l-pożittività, id-dawl tan-nisrani huwa l-faraġ.

Fil-waqtiet ta’ sofferenza ma nħossuhx il-faraġ, imma n-nisrani ma jistax jitlef il-paċi għax dik hi rigal tal-Mulej, li joffrih lil kulħadd anki fil-waqtiet l-aktar koroħ. Għalhekk il-Papa għamel stedina biex matul dil-ġimgħa ta’ tħejjija għall-Milied ma nibżgħux inħallu lill-Mulej ifarraġna.

Jien ukoll għandi nitħejja għall-Milied bil-paċi, il-paċi tal-qalb, tal-preżenza, tal-paċi li jtina t-tħannin tiegħu. Minkejja li jien midneb, il-Vanġelu tal-ġurnata xi jgħid? Il-Mulej ifarraġ bħar-ragħaj u jekk tintiliflu nagħġa jmur ifittixha. Hekk jagħmel il-Mulej ma’ kull wieħed u waħda minna. Jien irridha l-paċi jew nirreżisti l-faraġ?…. imma Hu qiegħed fil-bieb, qed iħabbat biex niftħulu biex inħalluh ifarraġna u jnissel fina l-paċi. U dan il-Mulej jagħmlu bil-ġentilezza; iħabbat bit-tħannin.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.