Avvent ma’ Marija – It-Tieni Ġimgħa – Il-Ħamis


STENNA

“Dan kollu ġara”. – Mattew 1:22

48378029_1067544616758155_6729516842848616448_nWaqt li Ġużeppi kien qed iħammem għandux jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies, ħafna drabi ninsew aktarx kemm damet tistenna Marija sakemm Ġużeppi bidel fehemtu. X’kienet qed tagħmel Marija sakemm “ġara dan kollu”? Marija stenniet. B’qalbha mdawra lejn il-Mulej – b’ruħha battala imma konxja mit-taqbida tagħha – Marija stenniet.

Hi u tistenna, Marija baqgħet f’relazzjoni ma’ Alla. Hija qasmet ħsibijietha miegħu. Urietu x’kienet qed tħoss. Qasmet miegħu x-xewqat tagħha. Waqt li Marija stenniet lil Ġużeppi, hi stenniet ma’ Alla – u kien hemm jistennieha ħafna.

Ħafna minna ma tantx jieħdu gost jistennew. Ir-riklami tat-televiżjoni miżgħuda bil-gadgets u l-oġġetti elettroniċi li jirbħulna l-ħin biex ma jkollniex għax noqogħdu nistennew. Għal ħafna minna, li nistennew ifisser id-dewmien ta’ dak li nixtiequ. Imma Marija ħaddnet magħha l-istennija għax Marija stenniet lil Alla.

Ħafna minna mxennqin biex jikkontrollaw huma. Għandna l-pjanijiet tagħna għal ħajjitna. Iktar kmieni din il-ġimgħa, f’Ħabakkuk 2:3 qrajna li l-pjan ta’ Alla “tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx. Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha, għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!”. Hemm differenza bejn li nistennew lil Alla biex jagħmel xi ħaġa u li nistennew ma’ Alla huwa u jagħmel xi ħaġa. Meta nistennew lil Alla sakemm jagħmel dak li tlabnieh, l-istennija taf tidher vojta. Imma, meta nistennew ma’ Alla huwa u jagħmel xi ħaġa, allura l-istennija tkun mimlija bl-intimità u l-għaqda.

Tlabt lil Alla biex jagħmel xi ħaġa f’ħajtek? U għadek tistenna? Qatta’ ftit ħin ma’ Marija u itlobha turik kif hi wkoll qagħdet tistenna.

Għat-talb tiegħek
Marija żgur kienet titlob bis-Salm 27. Ħejji t-talba immaġinattiva tiegħek billi taqra bil-mod is-Salm 27. Ħaddem is-sensi spiritwali tiegħek u itlob bl-immaġinazzjoni tiegħek flimkien ma’ Marija f’Mattew 1:22. Imbagħad, għid din it-talba:

“Missier, illum nitolbok il-grazzja li nduq l-imħabba personali tiegħek għalija. Nitolbok tgħinni nistenna flimkien miegħek int u twettaq ħwejjeġ kbar fil-ħajja tiegħi”.

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?