Is-skiet tallejl tal-Milied


Wara li tispiċċa l-għagħa tan-nies u nieħu grokk tal-festa nerħilha lejn kamarti. Wara l-quddiesa ta’ nofsillejl. U, hekk kif il-Knisja titbattal mill-ġemgħa, arani iva immur f’kamarti. Għall-kwiet. Għall-irdoss. F’dan il-lejl qaddis. Illejl tal-24 Diċembru. Nipprova nagħlaq għajn m’għajn. Nissara. Imma, minkejja daqshekk sforzi, ma jirnexxilix! Madankollu, moħħi jibda’ idur u jiftakar! Imma x’niftakar? …

Niftakar kemm hawn min f’dan illejl mar jorqod bħas-soltu. Ħaseb li, għalih u għaliha, kien se jkun lejl bħall-oħrajn. Lejl fejn jidħol fi friexu u friexha biex imbagħad, l-għada, iqum u tqum tiċċelebra. Imma, dak li ħadd ma basar li jseħħ f’mitt sena seħħ iva f’minuta. U, minuta, tassew krudili. Għax, u għal xi raġuni jew oħra, it-tali u t-talija baqa’ u baqgħet hemm. Tal-post! Is-skiet tallejl, ta’ dan illejl fejn Alla sar bniedem bħalna, mela bħali u bħalek, xorta waħda, ifakkarni fuq kemm il-ħajja m’hi tassew xejn! Tgħaddi bħal żiffa riħ! U ġieli, minkejja daqshekk avvanzi fix-xjenza, taf tispiċċa b’mod mill-aktar assurd! Taċ-ċajt! Veru taċ-ċajt! Jew, għaliex le, tal-qamel! Addijo ħajja!

Imbagħad, is-skiet tallejl tal-Milied, idaħħalni wkoll f’riflessjoni oħra. Kemm nies, f’dan illejl, lejl daqshekk sabiħ u speċjali, marru iva jorqdu bl-istonok tagħhom vojta. L-għaliex ikel x’jieklu m’għandhomx. In-nixfa li laqgħtet issa għal snin lil pajjizhom issa waslet biex taħsadhom mid-dinja. Hemm arahom! Tħares lejhom u jġibulek ħniena! Għajnejhom miksura. Donnhom jistennew biss lil Ċensa tiġi għalihom u tiġborhom magħha. Biex tiknishom minn fuq wiċċ l-art! Kos hux! X’dinja din! Min imut fis-sakra u min għall-qattra!

U illejl, sieket tal-Milied, b’dik il-kesħa fina fina tiegħu, ifakkarni fil-ksieħ li hawn idur fostna. U, ħaġa tal-biża’, f’qalbna. Issemmix soċjetà jew knisja. Għax bniedem kulħadd. Imma ħej kiefra wisq meta hawn min ma jiflaħx pinġut lit-tali. U lit-talija. Ta’ min ipinġi lil dawk xjaten. Jagħmlu x’jagħmlu! U jagħmel kemm jagħmel u tagħmel kemm tagħmel ġid! Kiefra meta tara lil min jitfa’ f’kull dubju possibbli dak kollu li l-Mulej jagħmel bihom! Huma min huma. X’qasma ta’ qalb għal min juri antipatija lejn ħaddieħor! X’qasma ta’ qalb għal min ma jġerrax lit-tali u lit-talin! U dan l-għaliex, fil-qafas tal-moħħ ċkejken, bix-xagħar jew le tiegħu, jew bix-xahar miżbuħ jew naturali tagħha, ma jidhirlux u ma jidhriliex li t-tali u t-talija hu u hi denju u denja tiegħu u tagħha! U ejja! Mhux aħjar nieqfu indaħħku lin-nies bina x’kull waħda tnejn! Mhux aħjar nieqfu inferu l-qalb tal-Mulej! Għax min hu tabilħaqq denju u denja quddiem it-tron tal-kbir Alla? Min? Ejjew niġu f’sensina naqra! Imqar għal darba! Almenu għal din id-darba biss!

Illejl tal-Milied, meta nieħu xi grokk tal-festa u jsaħħalni ftit moħħi, ifakkarni f’dawk li dan il-Milied se jgħadduh inkwetati. Min jaf għalxiex hux? Forsi minħabba dak ir-riżultat tal-MRI li aqta’ kemm qed iħassibhom. Jew minħabba dak l-uġiegħ li t-tobba għadhom ma sabux minfejn ġej. Inkella l-għaliex hemm inkwiet ibaqbaq fil-familja jew fil-komunità. Insomma! Is-soltu storja! Dawk dehrilhom xi ħaġa fuqu, fuqha jew fuqhom. U hekk, kelma iġġib lil oħra, u l-brejbes idaħħal denbu u jagħmel festa mill-kbar nett fihom. Hemm! Ismagħha l-qalb! X’tinkwieta! Xi tħabbat! U dak l-istonku qisu magna taż-żrar! Għax donnu jrid jixpakka daqkemm għandu aċtu jbaqbaq ġewwa fih!

Issokta għaddej illejl tal-Milied! U issa, fis-skiet, qed nisma’ il-karba ta’ persuna li qed tibki. L-għaliex, u f’dan il-Milied, se tgħaddih waħedha. Kerha kienet l-esperjenza tad-divorzju u tas-separazzjoni li għaddiet minnha! U, filli dik l-armonija fid-dar u filli hekk, kollox imkisser. Min mar ‘l hawn u min mar ‘l hemm. U t-tifkiriet qiegħdin hemm! Fuq it-tavolina! Ritratt wara l-ieħor. U anki jekk, biex l-uġiegħ ma jkunx daqshekk kbir, ir-ritratti intefgħu f’xi kexxun ta’ kradenza, bit-tama li ma jintlemħux aktar, madankollu l-ħsieb għal dak il-kexxun imur. L-għaliex, il-ħoss tat-telfa, huwa iebes wisq biex wieħed jinjorah! U, la ġejna f’dan, kif nista’ ma  niftakarx f’dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż. Inkella f’dawk li qed jibku fuq żbalji li wettqu fil-passat tagħhom?

Baqa’ għaddej is-skiet tallejl tal-Milied… U issa, naqra naqra, qed joqrob il-jum. Il-Jum Kbir. Speċjali! Fejn il-Ħajja daħlet fostna! Biex timliena bil-kuraġġ! Biex timliena biha nnifisha! Għax, quddiem din il-Ħajja, li hi l-Ħajja, kull mewt ta’ ħażen tispiċċa. Kull rabja titlaq. Kull ansjetà u biża’ iparpru. U kull sens ta’ ħtija jinbidel f’għajta ta’ indiema.

Hawn hi l-Ħajja! Li tħares kull ħajja. Mit-tnissil sat-tmien naturali tagħha. Hawn hi l-Ħajja! Li tħaddan lili u lilek magħha biex, bħalha, tagħmilna aġenti ta’ bidla bil-ħajja sempliċi, siekta u ferħana li titfa’ fina!

Viva Ġesù Bambin! Viva l-Ħajja li ma tispiċċa qatt! Il-Milied it-Tajjeb lilkom ilkoll ħbieb!

Patri Mario Attard OFM Cap