Awguri skomdi


Awguri skomdi mill-Qaddej ta’ Alla, l-Isqof Tonino Bello li kien miet b’cancer fl-1993.

Għeżież tiegħi, ma nkunx qed naqdi dmiri sewwa bħala isqof, jekk nawguralkom ‘il-Milied it-Tajjeb’ mingħajr ma nħawwadkom.

Jien għall-kuntrarju irrid nagħtikom fastidju.  Ma nisyax għall-idea li rrid ngħaddilkom awguri li jħallux impatt, formali, imposti frott ir-rutina tal-kalendarju.  Anzi, forsi iktar tħajjarni l-ipotesi li xi ħadd dawn l-awguri tiegħi ma jaċċettahomx u jibgħathom lura.

download

Għalhekk awguri skomdi, għeżież ħuti!

Ġesu’ li jitwieled għall-imħabba jagħtikom li tiddardru mill-ħajja egoista, u bla sens, ħajja mingħajr kuntatt mas-sema, u jagħtikom li toħolqu ħajja mimlija sens ta’ għotja, talb, silenzju u kuraġġ.

Il-Bambin rieqed fuq it-tiben jneħħilkom in-ngħas u jġiegħlkom tħossu l-imħadda tas-sodda tagħkom iebsa ġebla sakemm ma tkunux ftaħtu qalbkom għal xi ħadd li huwa msejken, sfrattat, forsi xi Marokkin, xi vjaġġatur fil-bżonn.

Alla li jsir bniedem iwassalkom biex tħossukom qiskom dud ċkejken kull darba li l-karriera tagħkom issir idolu tal-ħajja tagħkom, kull darba li titilgħu fuq dahar il-proxxmu, biex tikbru u tavanzaw fil-ħajja tagħkom.

Marija, li issib biss stalla tal-ħmieġ tal-annimali fejn tqiegħed b’ħafna imħabba l-frott tal-ġuf tagħha, iġġiegħlkom twarrbu il-kant tal-Milied tagħkom sakemm il-kuxjenza ipokrita tagħkom taċċetta li it-tank taż-żibel, u l-inċineratur tal-isptarijiet saru qabar mingħajr ħniena ta’ ħajjiet meqruda.

Ġużeppi li quddiem elf bieb li jingħalaqlu quddiem wiċċu jsir simbolu tad-delużjonijiet u l-qtiegħ il-qalb li jgħaddu minnhom il-missirijiet kollha, jfixkel l-ikliet tagħkom tal-Milied, it-tombli li torganizzaw, jixxortja l-ħafna ħela ta’ dwal li tagħmlu għal dawn il-festi, sakemm taqgħu fi kriżi minħabba s-sofferenza ta’ ħafna ġenituri li jxerrdu d-dmugħ tagħhom fil-moħbi għal uliedhom mingħajr xorti, bla saħħa jew inkella bla xogħol.

Jalla l-anġli li jħabbru l-paċi iġibulkom taqlib għat-telqa’ għażżiena tagħkom li m’hijiex kapaċi tara li ftit ‘l bogħod minnha, frott is-silenzju kompliċi tagħkom, qed iseħħu inġustizzji u nies qed jitkeċċew minn djarhom, qed jinħadmu armi tal-gwerer u qed jiġu kkundannati popli sħaħ għall-qerda tal-ġuħ.

Il-Foqra li qed iħaffu lejn il-grotta, waqt li l-għonja u l-qawwija jibqgħu moħbija fid-dlam u l-belt rieqda f’indifferenza kbira, iwasslukom biex nifhmu li jekk intom tridu taraw ‘dawl kbir’ jeħtieġ li tagħtu preferenza lill-iċken fost iċ-ċkejknin.

Jalla il-karità mogħtija minn min jilgħab bil-ħajjiet tal-bnedmin ma jkunu jiswew għal xejn.

Jalla il-ġlud u l-ħwejjeġ lussużi mixtrija b’pagi mhux ġusti ma jsaħħnux.

Ir-ragħajja li jishru matul il-lejl u ‘jieħdu ħsieb il-merħla’ u jiflu ż-żerniq jurukom is-sens veru tal-istorja, il-ġmiel tal-istennija, il-ferħ ta’ min jintelaq f’idejn Alla.

Jalla tħossukom ispirati mix-xewqa profonda li tgħixu fil-faqar li huwa ‘l-unika triq li twassalkom biex tmutu sinjuri’.

Il-Milied it-Tajjeb!  Fuq dinja qadima nofsha mejta, jalla titwieled it-tama.

Tonino Bello

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.