Investiment pastorali fiż-żgħażagħ


It-Tnejn, 31 ta’ Diċembru 2018: Investiment pastorali fiż-żgħażagħ fi tliet komunitajiet parrokkjali f’Għawdex.

 

Fl-aħħar xhur, tliet komunitajiet parrokkjali fil-Knisja ta’ Għawdex ħasbu li jattrezzaw spazji tagħhom biex jaqdu aħjar il-ħidma pastorali fil-parroċċa, speċjalment mal-ġenerazzjonijiet iż- żgħar. Dan anki fl-ispirtu tas-Sinodu riċenti taż-Żgħażagħ li jirrakkomanda “mod ġdid ta’ kif naħsbu l-pastorali tal-parroċċa, f’loġika ta’ korresponsabbiltà ekkleżjali u ta’ qabża missjunarja, biex niżviluppaw sinerġiji fit-territorju”, fejn hi “tista’ tidher bħala ambjent sinifikattiv li miegħu ż-żgħażagħ jistgħu jidentifikaw ruħhom” (nru 129).

Id-Djoċesi ta’ Għawdex kienet minn tal-ewwel li żviluppat il-kunċett ta’ ċentru parrokkjali bħala għodda fil-parroċċi tagħha sabiex jaqdu aħjar il-funzjoni tagħhom u jipprovdu spazju fiżiku fejn jistgħu jiltaqgħu d-diversi kategoriji tagħhom. Bħalissa, bosta minn dawn iċ-ċentri, għaddejjin minn fażi essenzjali ta’ tiġdid.

Xi tagħrif dwar it-tliet proġetti ta’ tiġdid f’ċentri pastorali:

Ix-Xagħra (Komunità ta’ Ġesù Nazzarenu)
Fid-29 ta’ Settembru nfetaħ uffiċjalment iċ-Ċentru Pastorali u ta’ Ospitalità Ġesù Nazzarenu. Dan il-bini, li fil-passat diġà serva bħala ċentru pastorali, tela’ mill-ġdid fuq tliet sulari, u llum il-Komunità tan-Nazzarenu fi ħdan il-Parroċċa tax-Xagħra għandha l-mezzi kollha biex tilqa’ u fuq kollox twassal il-Kelma ta’ Alla. Mill-bidu, il-ħsieb wara dan il-proġett kien li l- Komunità tan-Nazzarenu jkollha bini ġdid, organizzat u attrezzat biex jilqa’ l-esiġenzi ta’ żminijietna. Fil-fatt iċ-Ċentru nbidel f’post aktar aċċessibbli u akkoljenti fejn tingħata formazzjoni spiritwali lill-familji, tfal u adolexxenti. Il-kumpless jinkludi fih żewġ swali, kif ukoll spazju dedikat lill-anzjani permezz ta’ kenn għal billejl li, bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex, se jipprovdi servizz għall-anzjani fil-komunità matul il-lejl. B’dan il-mod, taħt l-istess saqaf, qed tiġi kkultivata l-laqgħa bejn il-ġenerazzjonijiet li tant jitkellem fuqha l- Papa Franġisku.

Il-Qala (Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp)
F’din l-aħħar sena sar xogħol estensiv ta’ rinnovar f’parti miċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Ġużepp, biex il-parroċċa tkun tista’ toffri servizz aħjar lill-komunità kollha, speċjalment lill- adolexxenti u ż-żgħażagħ. Il-post illum joffri sala mgħammra għal-laqgħat, servizzi ġodda, spazju għat-talb u r-riflessjoni u sala multifunzjonali. Il-post ġie mbierek nhar il-Ħamis 13 ta’ Diċembru, tifkira ta’ Santa Luċija. F’quddiesa għad-dawl tax-xemgħa li saret qabel it-tberik, Mons. Isqof awgura li dan il-post iservi ta’ ġeneratur għall-persuni kollha li jiffrekwentawh biex huma jistgħu jwasslu d-dawl tal-fidi lill-oħrajn. Iċ-Ċentru jkun miftuħ diversi drabi matul il-ġimgħa, b’laqgħat għall-gruppi tal-Forms 2 u 3, 4 u 5, u s-Sixth Form, kif ukoll f’xi ġranet għal attivitajiet oħra tal-parroċċa.

Il-Belt Victoria (Parroċċa ta’ San Ġorġ)
Il-parroċċa mhix biss struttura astratta li tiġbor fiha l-persuni, iżda għandu jkollha spazji fiżiċi li fihom il-membri tagħha jistgħu jiltaqgħu għat-talb, il-formazzjoni u r-rikreazzjoni. Għal dan il-għan il-Parroċċa ta’ San Ġorġ ħadmet biex toħloq spazju modern, akkoljenti u attrezzat

biex id-diversi gruppi parrokkjali jistgħu jiltaqgħu fih. It-23four hub, inawgurat fit-23 ta’ Diċembru li għadda, inħaseb biex iservi bħala games room għar-rikreazzjoni, post ta’ soċjalizzazzjoni fejn wieħed jiltaqa’ b’mod rilassat, kif ukoll post ta’ formazzjoni għal- laqgħat. Ix-xogħol fuqu dam sejjer għal sena sħiħa u involva sistemi ġodda ta’ ċirkulazzjoni ta’ arja, disinni ġodda ta’ ħitan u dwal, kif ukoll għamara ġdida. It-titlu 23four hub ġej mill- fatt li l-gruppi jispiraw ruħhom mill-martirju ta’ San Ġorġ li jiġi ċċelebrat fit-23 ta’ April. Bħala parti ċentrali ta’ dan l-ispazju tpoġġiet pittura ikonografika li turi lil Ġesù u San Ġorġ iħarsu bl-imħabba lejn xulxin, bil-kliem ta’ Ġesù: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9). Ġie wkoll iddisinjat Kurċifiss mill-kliem tal-Opri tal-Ħniena. L-għan ta’ kull attività li ssir f’dan il-post hi li nibqgħu fl-imħabba ta’ Kristu filwaqt li narawh fil-proxxmu batut.