Id-deheb, l-inċens u l-mirra fil-ħajja tal-miżżewġin


Is-Sibt, 5 ta’ Jannar 2019: l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall-koppji li żżewġu matul l-2018, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-Quddiesa hija organizzata mill-Moviment ta’ Kana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Ippermettuli ftit ħsibijiet qosra ispirati mill-festa li fiha qegħdin niltaqgħu. L-ewwel nett nixtieq mill-ġdid nifirħilkom u nawguralkom għas-Sagrament taż-Żwieġ li tajtu lil xulxin, tal-fatt li tlabtu l-barka tal-Knisja fuq iż-żwieġ tagħkom u li issa, fost l-inżul u t-tlajja, bdejtu tgħixuh. Ifhmu li ż-żarbun ġdid jieħu ftit żmien sakemm jidhra, jibqa’ jżaqżaq ftit sakemm ma jibqax żarbun ġdid u allura hemm bżonn titgħallmu tieħdu tassew paċenzja b’xulxin, imma naf li dan tagħmluh b’imħabba kbira.

Għollu dejjem qlubkom ’il fuq lejn l-ideali sbieħ tal-ħajja miżżewġa…

Illum, bħala sinjal tal-preżenza tal-Mulej, tingħatalna kewkba, xi ħaġa li ġġegħelna minna nnifisha nħarsu ’l fuq. U din hija l-ewwel stedina tiegħi lilkom: li fil-ħajja tagħkom, hi kemm hi challenging jew ta’ sfida jew iebsa, ma taqtgħu qatt ħarsitkom ’il fuq b’sens ta’ tama, ta’ entużjażmu u ta’ kuraġġ li tagħtu lil xulxin. L-istedina li aħna nisimgħu fil-bidu tal-Ewkaristija, “ngħollu qlubna ’l fuq,” hija l-istedina li nagħmel lilkom issa li bdejtu tgħixu l-ħajja tagħkom ta’ miżżewġin. Għollu dejjem qlubkom ’il fuq lejn l-ideali sbieħ tal-ħajja miżżewġa, lejn dak li għallmuna tant qaddisin miżżewġin li saru qaddisin propju bil-ħajja u fil-ħajja taż-żwieġ. Tfittxux triq oħra għall-qdusija; din hija t-triq li l-Mulej għażlilkom biex dejjem tgħollu qlubkom ’il fuq. Il-ħajja taż-żwieġ hija wkoll ħajja tas-salib. Il-Mulej intrefa ’l fuq billi tela’ fuq is-salib tal-imħabba u intom tafu għax qegħdin tgħixuha. L-imħabba tfisser ukoll li tgħannaq ma’ qalbek is-salib ta’ Ġesù.

Wara kollox, fit-tmiem ta’ din l-Ewkaristija, se nagħtikom tifkira tal-laqgħa tagħna: il-kurċifiss. Żommuh u għożżuh, għamluh xi mkien li biex tarawh tridu tgħollu ħarsitkom u ftakru li l-Mulej waqt li huwa kurċifiss, irid ikun ukoll il-kewkba li tagħtikom id-dawl u ġġibilkom il-ferħ. Dan huwa paradoss, xi ħaġa li d-dinja forsi ma tifhimhiex, imma l-Insara miżżewġin iridu jkunu wkoll kewkba fis-soċjetà, ikunu sinjal li Alla ma jiqafx iħobb u li l-imħabba għandha futur, m’għandhiex skadenza, m’għandhiex best before date, għaliex aħna fuq l-imħabba ta’ bejnietna ma nagħmlux best before, imma forever.

Ir-rigali tal-maġi fil-ħajja ta’ kuljum
Il-maġi, dawn il-persunaġġi pjuttost misterjużi li ġew mil-Lvant, offrew deheb, inċens u mirra. X’jistgħu jfissru dawn għall-miżżewġin? L-ewwel rigal huwa d-deheb. Tgħidlix li d-deheb ifisser flus biżżejjed biex tħallas id-dejn. Dak nawguralek li l-Mulej dejjem jipprovdilek bl-għaraq ta’ ġbinek, flus biżżejjed biex inti tgħix, tgħajjex lil uliedek meta jiġu, u tkun tista’ tgħix ħajja dinjituża. Imma d-deheb huwa l-imħabba ta’ bejnietkom għax dik lanqas issarrrafha fid-deheb, u trid tgħaddi mill-prova, trid tiġi ppurifikata bħalma jiġi ppurifikat id-deheb biex ikun deheb tassew fin. Lill-Mulej Ġesù offrulu d-deheb tal-imħabba ta’ bejnietkom u offruhielu biex hu jgħaddiha min-nar tal-imħabba tiegħu u jippurifikaha, ineħħilha t-tiben u l-imperfezzjonijiet u jagħmilha dejjem imħabba sabiħa.

Fittxu li mqar għal ftit minuti kuljum titolbu flimkien u tirrealizzaw li, intom li dħaltu għas-Sagrament taż-Żwieġ, għandkom bżonn l-għajnuna tal-Mulej.

It-tieni riġal huwa l-inċens. L-inċens ifakkarna fil-qima. Lill-Mulej offrulu t-talb tagħkom. Fittxu li mqar għal ftit minuti kuljum titolbu flimkien u tirrealizzaw li, intom li dħaltu għas-Sagrament taż-Żwieġ, għandkom bżonn l-għajnuna tal-Mulej. Tinsewx li Ġesù qalilna li “mingħajru ma tistgħu tagħmlu xejn”. Mela jekk int għażilt li tidħol fil-ħajja taż-żwieġ bħala Nisrani, fittex l-għajnuna ta’ min hu ħerqan u kapaċi jagħtik l-għajnuna. Itolbu! Itolbu fil-mumenti ta’ ansjetà, fil-mumenti ta’ ferħ, fil-mumenti ta’ estasi u ta’ mħabba. Tinsewx li l-imħabba ta’ bejnietkom hija mħabba mbierka, li l-għaqda ta’ bejnietkom hija għaqda mbierka, u biha faħħru lil Alla. U għalhekk, ħobbu billi tirrispettaw id-dinjità ta’ xulxin; ħobbu dejjem lil xulxin b’imħabba safja imma offru l-inċens tat-talb tagħkom lill-Mulej u tinsewx li kull nifs ta’ ħajjtikom, jekk ikun nifs ta’ mħabba, huwa talba lil Alla.

It-tielet rigal huwa rigal paradossali, kważi stramb: il-mirra. Il-mirra fi żmien Ġesù kienet tintuża bħala mediċina u kienet tintuża għad-dilka tal-katavri bħala mod kif inti żżommilhom il-proċess tat-taħsir li lkoll irridu ngħaddu minnu. Imma l-mirra fil-ħajja taż-żwieġ hija l-kapaċità li tissaporti l-kuntrarju ta’ kuljum: xi biċċa patata l-forn maħruqa jew inkella xi ħadd minnkom jiġi tard u seta’ javża għaliex il-mowbajl mingħajr batterija. Min jaf kemm jinqalgħu affarijiet mhux ippjanati u kumplikazzjonijiet li bi ftit komprensjoni nistgħu nsolvuhom. Imma f’kull aspett tal-ġurnata jista’ jkun hemm ftit mirra. Kultant anke l-għira ta’ xi ħadd, jew l-indħil żejjed ta’ xi ħadd, jaf ikun ukoll mirra li kważi tqabbiżilna.

U meta tasal f’dak il-mument ta’ tentazzjoni kbira, ieqaf ftit u għidlu: ‘Mulej, din il-mirra, qabel ma taqbżel il-mirra tiegħi, se noffriha lilek’. Ma nafx fejn toqgħodu intom imma jiena f’Ħal Qormi ġieli smajthom jgħidu ‘se tqabbiżli l-mirra’. Jiena naħseb li jekk ir-rigali li nagħtu lil Ġesù nagħmluhom atteġġjamenti konkreti, allura l-festa tal-Epifanija tagħmel iżjed sens fil-ħajja tagħna. Wara kollox, l-Epifanija huwa l-mument meta l-Mulej, għalkemm tarbija, jiltaqa’ mal-ġnus u jgħidilna li hu verament salvatur għal kulħadd.

“Intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom” (Efes 3:2). Dan huwa l-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin. Jalla intom li smajtu l-pjan tal-grazzja u tal-imħabba li Alla ta għall-ġid tagħkom, ikollkom il-qawwa, il-kuraġġ u l-ġenerożità li tgħixuh kuljum.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.