Marija hija t-triq tal-Knisja


Is-Sibt 12 ta’ Jannar 2019: Diskors tal-Awguri tas-Sena l-ġdida tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, lill-Kleru Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.2019-01-12-diskors-tal-awguri-tal-bidu-tas-sena-10.jpeg

MARIJA HIJA T-TRIQ TAL-KNISJA

Il-Konċilju Vatikan II tana l-premessi meħtieġa biex il-Knisja tiġġedded u tibda mixja ġdida fid-dinja tal-lum. Għaddew ftit aktar minn ħamsin sena minn din il-ġrajja kbira, imma ħafna għadhom jibżgħu jmiddu riġlejhom f’direzzjoni ġdida, u jippreferu jibqgħu jterrqu minn mogħdijiet antiki li kienu tajbin għall-bieraħ imma llum huma ftit dawk li għadhom jgħaddu minnhom, għax fetħu venues ġodda. U min jgħaddi (jew iridna nibqgħu ngħaddu) mit-toroq l-antiki x’aktarx jagħmel dan biex jilħaq għanijiet oħra li mhumiex l-għanijiet tal-Knisja! Konsegwenza ta’ dan, spiss jiġri li t-toroq tagħna bħala Knisja ma humiex jiltaqgħu mat-toroq tal-bniedem tal-lum. Qed naqbdu toroq fejn insibu ruħna mixjin waħidna bir-riskju li nintilfu aħna wkoll. Jiġini li nistaqsi jekk aħniex nippreferu dawn it-toroq stramani għax huwa komdu li ngħaddu minn fejn dejjem għaddejna, jew għax nibżgħu nippruvaw ftuħ ġdid.

Ftit wara li spiċċa l-Konċilju, it-teologu Franċiż Maurice Bellet ippubblika ktieb bl-isem La peur ou la foi un analyse du prete. Meta osserva l-atteġġjamenti tal-kleru fl-Ewropa quddiem il-proposti tal-Konċilju Vatikan II, sab dak li sejjaħlu malaise saċerdotali. Effett tar-riforma konċiljari, il-Knisja fl-Ewropa sabet ruħha f’salib it-toroq: jew tagħżel li b’kuraġġ tilqa’ l-programm ta’ aġġornament indikat mill-Konċilju, jew tibqa’ tieħu ħsieb id-dinamiċità tal-Kristjaneżmu storiku li kien baqagħlu xi ftit tifsira soċjali (illum din it-tifsira soċjali kompliet tnin). Il-biża’ minn dak li huwa ġdid iddeforma lil ħafna tant li ma ħallihomx jiftħu toroq ġodda.

Għalkemm issa għaddew is-snin minn din l-analiżi, inħoss li l-biża’ għadu jaħkem fuq ħafna fil-Knisja u hekk jikkundizzjona l-għażliet li hemm bżonn isiru biex il-Knisja lokali timxi fit-toroq li jgħaddu minnhom il-bnedmin illum. X’xenarji ġodda ta’ ekkleżjoloġija qed jinfetħu fostna? Għax nibżgħu nerħu minn idejna dak li writna mill-Knisja imperjali? X’tip ta’ teoloġija qed tispira l-predikazzjoni, l-akkumpanjament tal-koppji, id-direzzjoni lill-penitenti fil-konfessjonarju, il-kitbiet tagħna…? Fejn wasal il-proċess tat-tiġdid liturġiku biex il-liturġija tkun anqas klerikali u aktar tal-poplu? Xi djalogu għandna mad-dinja postmoderna u postkristjana? Kemm aħna komdi li nkunu preżenti fit-‘tempji’ tad-dinja lajka fejn għaddejja liturġija parallela għal dik tagħna?

Huwa dan l-istess biża’ li qed iġib rifjut tal-missier tagħna l-Papa Franġisku! Fil-fatt, fi kliem it-teologi, “il-ministeru ta’ Franġisku huwa żvilupp tal-ġrajja tal-Vatikan II. Hu qed iwassalna biex ikollna għarfien u prassi mġedda tal-Vanġelu” (Ghislain Lafont). “Il-Papa Franġisku huwa l-ewwel papa li ma ħax sehem fil-Konċilju Vatian II, u t-tagħlim tal-Konċilju jiġri fil-vini tiegħu, idawwal il-ħsibijiet tiegħu, jixgħellu l-ħolm, jispira d-deċiżjonijiet tiegħu. Għalih ma hemmx kunflitt ta’ interpretazzjoni… l-interpretazzjoni hija dik tal-Konċilju” (Piero Coda). “L-Evangelii gaudium minn naħa għandha relazzjoni ħajja mal-Konċilju u min-naħa l-oħra għandha l-libertà vera fir-rigward tal-corpus konċiljari li tinterpretah billi terġa’ tiktbu” (Christoph Theobald). Il-Papa nnifsu jgħid li “l-Konċilju Vatikan II ippreżenta l-konverżjoni ekkleżjali bħala l-ftuħ għar-riforma permanenti tagħna nfusna b’fedeltà lejn Ġesù Kristu”. U meta ftit ilu tkellem mal-Ġiżwiti f’Vilnius, il-Papa qal lil wieħed minnhom: “Jekk trid tgħinni, aħdem biex iġġib ’il quddiem il-Konċilju fil-Knisja”. Bir-raġun, għalhekk, kif jikteb wieħed awtur, “ir-reżistenza li ssir lill-Papa Franġisku hija reżistenza għall-Konċilju”.

Huwa fatt magħruf li l-għan tal-Konċilju ma kienx li jkollna dommi ġodda, imma li jippreżenta stampa vera tal-Knisja lid-dinja. Kif jgħid Kasper, is-suġġett ċentrali tal-Konċilju kien “il-Knisja ad intra b’referenza għall-Knisja misteru u struttura, u l-Knisja ad extra b’referenza għall-missjoni tagħha fid-dinja tal-lum”. Fi kliem Kasper, saflaħħar il-Knisja ridet tkun taf lilha nfisha. Il-Konċilju wettaq dak li t-teologi Kattoliċi u Protestanti kienu ħabbru meta ttimbraw is-seklu għoxrin bħala “s-seklu tal-Knisja”. Il-Konċilju ta raġun lil Romano Guardini li kważi mitt sena ilu, fl-1922, kien qal: “Inbeda proċess reliġjuż ta’ importanza kbira: li l-Knisja terġa’ tqum fil-qlub tan-nies”. Permezz tal-Konċilju, l-Ispirtu offra l-mixja li l-Knisja għandha tagħmel fis-seklu wieħed u għoxrin! Dak li ppromulgat il-Lumen gentium, fil-futur għad jidher bħala bidu ta’ żmien ġdid (G. Dejaifve).

Għadda nofs ta’ seklu minn meta waslilna dan id-don, u fir-responsabbiltà tal-ministeru tiegħi inħoss li, għalkemm mill-Konċilju ’l hawn fostna twettqu diversi riformi tajbin, fil-qalb u fil-moħħ ta’ ħafna għad hemm il-mudell ta’ Knisja prekonċiljari. Fadlilna ħafna x’naqdfu biex il-Knisja terġa’ tkun fil-qlub tan-nies. L-ekkleżjoloġija li nħaddnu tiddetermina qatigħ ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, mal-ġemgħa u mad-dinja!

Kif għidt fl-aħħar Ittra Pastorali tiegħi, wieħed mill-għanijiet għaliex fl-okkażjoni tal-erba’ mitt sena minn meta l-Kwadru tal-Assunta tqiegħed fis-Santwarju għażiż tagħna Ta’ Pinu ħassejt li nsejjaħ Sena Marjana kien proprju biex nistimula lill-poplu ta’ Alla f’din id-Djoċesi biex jaqra u jirrifletti dwar dak li l-Konċilju qal dwar il-Verġni Marija. Għax kif jikteb il-qaddis Papa Pawlu VI, “l-għarfien tad-duttrina Kattolika vera dwar Marija joffri ċavetta biex il-bniedem jikseb għarfien eżatt tal-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja”, peress li hija “l-aqwa frott tal-fidwa”. Bejn Marija u l-Knisja hemm “relazzjoni tipoloġika mill-qrib” tant li l-misteru ta’ Marija jdawwalna dwar il-misteru tal-Knisja u l-misteru tal-Knisja jdawwal dak ta’ waħda mill-membri tagħha stess. Fl-istess waqt irridu ngħidu li l-misteru tat-tnejn li huma huwa l-istess misteru waħdieni ta’ Kristu. Studju interessanti ta’ Hugo Rahner dwar is-Santi Padri jikkonferma li fil-ħsieb tal-Missirijiet tal-Knisja l-Marjoloġija kienet maħsuba u impostata l-ewwel u qabel kollox bħala ekkleżjoloġija!

F’dan il-kuntest il-ħsieb tagħna jmur fuq il-Kapitlu VIII tal-Lumen gentium li jitkellem dwar “L-Imqaddsa Verġni Marija Omm Alla fil-Misteru ta’ Kristu u tal-Knisja”. Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II sejjaħ dan il-kapitlu “l-magna charta tal-Marjoloġija ta’ żmienna”. Il-Marjologu Patri Salvatore M. Meo jikteb li d-dimensjoni ekkleżjoloġika ta’ Marija hija n-novum propost u żviluppat f’dan il-Kapitlu VIII li joffri approfondiment integrattiv tal-misteru ta’ Marija fl-istorja tas-salvazzjoni. Fil-fatt, id-duttrina ekkleżjoloġika tal-Lumen gentium hija l-bażi tal-għaqda intima li Marija għandha mal-Knisja. Il-Knisja hija l-Poplu ta’ Alla, Ġisem mistiku ta’ Kristu, Tempju tal-Ispirtu s-Santu. F’dan kollu, Marija hija l-ewwel membru tal-Knisja; hija msejħa twettaq il-funzjoni ta’ omm ladarba hija Omm Kristu u l-membri fi ħdanha, mill-mument tat-tħabbira sa meta l-Mulej jerġa’ jiġi. Patri Perrella jfisser li t-titlu ta’ dan il-Kapitlu VIII għandu tifsira enormi għax jurina l-perspettiva teoloġika tal-Marjoloġija tal-Konċilju: Marija qed tiġi ppreżentata skont ir-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù u l-Knisja. Din mhix biss kwistjoni ta’ metodoloġija, imma l-Konċilju qed joffrilna prinċipju ermenewtiku. Fil-fatt, ir-rabta li Marija għandha ma’ Kristu u l-Knisja (myterium Mariæ) tgħinna nidħlu aktar fil-qalba tal- myterium Christi u l-mysterium Ecclesiæ.

Joseph Ratzinger, imsejjaħ “teologo di razza”, jiddeskrivi lil Marija bħala “nexus myteriorum” – sinteżi ħajja tal-Vanġelu ta’ Ġesù u tal-missjoni li titwettaq f’ismu, għax hija turi kif wieħed jilqa’ l-Kelma (it-Tħabbira), jagħti l-laħam lill-Kelma (in-Natività), jippreżentaha lid-dinja (l-Epifanija), jgħożżha f’qalbu (il-ħajja f’Nazaret), jemmen fiha (il-preżenza f’Kana), ixerridha (il-ġrajja tal-Viżitazzjoni), jibqa’ fidil lejha anki fil-waqt tal-prova (il-Kalvarju), u jagħti xhieda tagħha f’komunità ta’ fidi (Għid il-Ħamsin).

U meta jfisser l-interdixxiplinità tal-Marjoloġija, Masciarelli jikteb hekk: “L-eżistenza tal-Verġni Marija hija sinjal ċar tal-misteri Nsara kollha: tal-misteru tat-Trinità (għax hija bint il-Missier, Omm l-Iben u għarusa tal-Ispirtu s-Santu); tal-misteru tal-Inkarnazzjoni (għax hija Omm Alla); tal-misteru tal-Għid (għax kienet sieħba tal-Feddej taħt is-salib); tal-misteru ta’ Għid il-Ħamsin (għax kienet fiċ-Ċenaklu); tal-misteru tal-Knisja (għax hija membru għoli u singulari tagħha); tal-misteru tat-tmiem (għax hija diġà ġiet imtellgħa s-Sema fil-glorja Trinitarja). Il-Marjoloġija trid titgħallem tlissen lil Marija meta tlissen lil Alla, meta tlissen lil Kristu u tlissen il-Knisja, għaliex il-Verġni Marija, bi grazzja, hija implikata b’mod essenzjali fit-teoloġija, fil-Kristoloġija u fl-ekkleżjoloġija”. Fi kliem dan il-Marjologu, “il-misteru Marjan jevoka l-misteru tat-Trinità, filwaqt li jibda u jipprofetizza l-misteru ekkleżjali”.

Aħna, li kif fissirt aktar ’il fuq ma għandniex nibżgħu nfittxu mogħdijiet ġodda għall-Knisja fid-dinja tal-lum, għandna l-assigurazzjoni tal-Karmelitan Arnoldo Bostio li lejn tmiem is-seklu ħmistax kien afferma li “Marija tgħallimna t-toroq ta’ Alla”. Inżid ngħid li Marija tindikalna t-toroq tal-Knisja. Imma biex niskopru dawn it-toroq għadna bżonn inkunu nafu sewwa lil Marija! B’xorti ħażina, ħafna għadhom ma għamlux il-passaġġ mill-Marjoloġija ta’ qabel il-Konċilju għal dik attwali. Biex tgħolli lil Marija, il-Marjoloġija post-tridentina tenfasizza ħafna fuq il-misteri, il-glorji u l-privileġġi – frott ta’ teoloġija spekulattiva u astratta u għaldaqstant ħafna ’l bogħod, tant li l-bniedem iħoss li ma jistax jilħaqha. Għalkemm tidher stramba, għad għandna min jitkellem dwar Marija b’paradigmi kulturali tal-imgħoddi (bħalma huma l-Barokk u r-Romantiċiżmu ), mingħajr ebda referiment għall-fundament bibliku. Kien għalhekk li l-Konċilju “jħeġġeġ lit-teologi u lill-predikaturi tal-Kelma ta’ Alla biex, meta jitkellmu fuq id-dinjità singulari tal-Verġni Marija, joqogħdu attenti li jevitaw kemm esaġerazzjonijiet foloz u kemm ċertu għeluq eċċessiv tal-moħħ. Jalla, taħt it-tmexxija tal-Maġisteru, huma jkomplu l-istudji tal-Iskrittura Mqaddsa, tas-Santi Padri tad-Dutturi tal-Knisja, u wkoll tal-liturġiji differenti, b’mod li jqiegħdu f’dawl ġust is-sehem u l-privileġġi tal-Madonna li dejjem għandhom bħala skop tagħhom lil Kristu”, u “d-devozzjoni vera mhix qiegħda f’xi sentimenti sterili u li jgħaddu, u anqas f’xi kredulità fiergħa, iżda ġejja minn fidi vera li twassalna biex nagħrfu l-kobor ta’ Omm Alla u tħeġġiġna biex inħobbu bi mħabba ta’ wlied lil din Ommna u nimitaw il-virtujiet tagħha”. Kif josserva Patri Salvatore M. Perrella, “Marija hija vittma tat-tpaċpiċ tal-populin” (chiacchiericco popolano) li jittrattaha qisha barbie tal-fidi! Meta nisma’ ċerta predikazzjoni dwar Marija, jiġini li ntenni dak li Adolfo Binni, Isqof ta’ Nola (Napli), kiteb fl-1960: “Sacerdotes iuniores [u ma’ dawn inżid etiam maiores] in sacra predicatione veritates dogmaticas mariales neglegunt et devotionem sentimentale fovent”, u għalhekk bħal dan l-isqof nixtieq li “in scholis theologicis doctrina marialis latius profondiusque pertractanda est”.

Il-fatt li min-naħa l-waħda Marija hija “s-sustanza u r-rivelazzjoni tal-Knisja”, u min-naħa l-oħra “l-Knisja hija Marija tal-istorja universali” (Semmelroth), ma jħallilniex għażla ħlief li nsawru Knisja li jkollha l-karatteristiċi Marjani. Nindika ftit eżempji:

(a) Knisja li tagħti prijorità lill-Kelma. Marija hija d-dixxiplu li tgħożż il-Kelma u toqgħod taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha. Hija ma tgħaddix mingħajr il-Kelma. Frott ir-rabta qawwija li kellha mal-Kelma, Alla għamel minnha “tavoletta incerata” li fuqha bil-libertà kollha kiteb dak kollu li ried (Oriġene). Marija hija dak il-ktieb li fuqu Alla kiteb il-Kelma tiegħu (Liturġija Biżantina). Dan huwa li nixtieq mill-Knisja tagħna: li tkun tavoletta incerata li fuqha Alla jikteb dak li jrid. Nixtieq Knisja li bħal Marija tgħożż u tikkonfronta f’qalbha l-Kelma. Kif Marija hija creatura Verbi, hekk il-Knisja trid tixxennaq li tkun creatura Verbi. Imma bħala Knisja aħna għadna ma napprezzawx biżżejjed il-Kelma. Il-mod kif inxandruha u nikkummentawha (meta nikkummentawha!) jikxef x’relazzjoni aħna “l-ministri tal-Kelma” għandna mal-Kelma. Għalkemm għandna ftit gruppi ta’ adulti li jiltaqgħu madwar il-Kelma, il-kotra ma għandhiex sabar tixtarrha; u dawk li jridu, mhux faċli jsibu minn jakkumpanjahom. Nara li hija urġenza pastorali li nkomplu ninvestu fil-katekeżi tal-adulti. Biex nindirizzaw il-formazzjoni akkademika tal-adulti qed nagħmlu t-tħejjijiet permezz ta’ Dun Joseph Farrugia biex fid-Djoċesi jkollna Istitut għall-Ministeru Pastorali u nittamaw li ninawgurawh matul din is-sena. Grupp ta’ saċerdoti żgħażagħ, b’Dun Mark Bonello bħala kordinatur, qed jagħmlu t-tħejjijiet biex fil-ġimgħat li ġejjin jipproponu fuq livell djoċesan katekeżi għaż-żgħażagħ ibbażata fuq il-proġett I Dieci Comandamenti ta’ Don Fabio Rosini.

Meta qed nitkellem dwar l-evanġelizzazzjoni, ma nistax ma nsemmix b’ammirazzjoni u apprezzament iż-żjara pastorali li ftit ilu għamilt fost il-missjunarji tagħna fil-Perù, kif ukoll il-mandat missjunarju li f’Settembru tajt lil Dun Mario Curmi bħala missjunarju fil-Gwatemala. Inħeġġiġkom biex flimkien inżommu tixgħel fil-qalb ta’ ġensna din il-fjamma tal-imħabba fattiva lejn il-Knisja fil-missjoni.

(b) Knisja Verġni. It-tema tal-verġinità tal-Knisja bħala misteru Marjan tissemma spiss mill-Missirijiet tal-Knisja, speċjalment minn Santu Wistin li jgħid li “l-verġinità li Kristu ried fil-qalb tal-Knisja, l-ewwel poġġieha fil-ġisem ta’ Marija. Il-Knisja ma setgħetx tkun verġni kieku ma sabitx lill-Għarus biex tingħata lilu, bin il-Verġni”. San Ambroġ jgħid: “Omm Kristu hija verġni u għalhekk verġni għandha tkun l-għarusa tiegħu, il-Knisja”. Skont l-Arċisqof Bruno Forte, il-Knisja verġni bħal Marija trid tfittex li tkun (a) “innoċenti”, (b) ma tfittixx garanziji umani, u (ċ) tgħix fil-preżenza ta’ Alla.

Knisja “innoċenti” mhux f’xi sens morali (ħielsa mid-dnub), imma li bħal Marija tkun miftuħa għal dak li Alla jrid minnha: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Dan jitlob li tkun Knisja li tiddixxerni u takkumpanja fid-dixxerniment, “għax mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi f’idejn it-tendenzi tal-lum”. Infakkar f’dak li l-Papa Franġisku jgħid f’Il-Ferħ tal-Imħabba: “Id-dixxerniment għandu jgħinna nsibu t-toroq miftuħa quddiemna biex nagħtu tweġiba lil Alla u nikbru permezz tal-limiti tagħna. Meta nemmnu li kollox huwa abjad jew iswed, xi drabi nkunu nagħlqu t-triq għall-grazzja li minnha l-bniedem irid jgħaddi biex jikber u naqtgħu qalb dawk li jridu jagħmlu mixjiet ta’ qdusija li jagħtu glorja lil Alla… Il-pastorali konkreta tal-ministri u tal-komunitajiet ma tistax tibqa’ lura milli tagħmel tagħha din ir-realtà”. L-arti tad-dixxerniment tgħin biex iġġib ’il quddiem il-kuxjenza personali tal-Insara li aħna msejħin niffurmaw u mhux nieħdu postha.

Il-verġinità ta’ Marija tispira lill-Knisja biex tagħżel li ma tfittex ebda garanziji umani. Meta Marija tgħid: “Ma nagħrafx raġel” (Lq 1:34), mhix stqarrija ta’ xi ħadd mimli bih innifsu, imma huwa att ta’ telqa sħiħa f’idejn Alla. Aħna għandna bżonn nikbru f’dan l-atteġġjament ta’ abbandun f’Alla, għax inkella nirriskjaw li l-Knisja “titmexxa” minna l-bnedmin u mhux mill-Ispirtu s-Santu. Irrid nara Knisja li tkun iktar “poplu ta’ Alla” u ħafna anqas “istituzzjoni”; irrid nara Knisja li tkompli tirrinunzja għall-privileġġi jew garanziji umani li ngħatawlha matul is-snin; irrid nara Knisja li mhux biss titbiegħed minn kull għamla ta’ poter mondan, imma li toqgħod ferm attenta biex ma tiġix mifhuma li trid tindaħal f’kamp li mhux tagħha. Irid ikollna l-kuraġġ li bħal San Ċirillu ta’ Lixandra nixxennqu biex inkantaw innu lill-mewt tal-Knisja meta narawha tirtira minn dawk l-ambjenti li ma humiex tagħha. “Il-Knisja għadha fid-dinja u għalhekk pellegrina mlibbsa l-laħam. Hija moħbija f’qabar u ebda dawl ma jdawwalha fuq l-art. Għalhekk irrid inkanta l-għanja tal-mewt tal-Knisja għax f’din il-mewt jinħeba s-sebħ tal-ħajja eterna fi Kristu”.

Marija hija mera għall-Knisja fl-esperjenza li hija għamlet tal-preżenza ta’ Alla. Ħajjitha fetħet bħal warda fil-preżenza tiegħu. Dan hu li nixtieq mill-Knisja tagħna: li aħna ngħixu l-ħin kollu għad-dell tal-Għoli. Forsi nidher qed ngħid xi ħaġa ovvja; imma ftit ilu saċerdot żagħżugħ qalli biex ma nieħu xejn b’ovvju, lanqas din il-verità primordjali. Kif Marija ferħet għax il-ħarsa ta’ Alla straħet fuqha minkejja ċ-ċkunija u l-faqar tagħha, hekk il-Knisja għandha tifraħ li Alla xeħet għajnejh fuqha minkejja l-faqar spiritwali u ministerjali tagħna, l-iżbalji anki gravi tagħna s-saċerdoti, l-infedeltajiet tagħna, in-nuqqas ta’ komunjoni bejnietna, iz-zekzik fuq xulxin… Meta nħallu l-vojt tagħna jimtela bil-preżenza divina, Alla jagħmel ħwejjeġ kbar. “Il-mara l-kbira mhix biss il-Glorjuża, imma wkoll dik terrena – dik li għaddiet mit-tbatija, kienet ippersegwitata mid-dragun, li taħrab fid-deżert, li tfittex l-għajnuna mingħand Binha… Dan iseħħ ukoll fl-istorja tal-Knisja li qed tbati fid-dinja – storja mħabbra fl-istorja terrena ta’ Omm Alla. Kif il-qamar, il-kewkba ta’ billejl huma mixgħula biss mid-dawl tax-xemx… dan huwa d-destin tal-Knisja li għadha mhix mibdula”.

(c) Knisja ħdejn l-Imsallab. Meta nħarsu lejn Marija wieqfa ‘ma’ ġenb’ is-salib ta’ Ġesù naraw il-mara li tibqa’ temmen anki meta Ġesù jidher tellief. Kif jgħid San Pawl, is-salib huwa l-qawwa u l-għerf ta’ Alla għal dawk li huma msejħin (ara 1 Kor 1:18,24). Hawn jinsab is-sigriet ta’ Knisja għammiela: meta temmen fis-salib ta’ Ġesù, tħaddnu u xxandru. Mhix missjoni ħafifa li nipprietkaw is-salib, għax għad-dinja s-salib huwa sinjal ta’ bluha u dgħufija. Proprju għax mhix missjoni faċli, nistgħu nċedu għat-tentazzjoni li nwarrbu s-salib mill-ħajja tagħna u naħdmu bil-lingwaġġ u l-mezzi tad-dinja. Dan ikun il-falliment tagħna, għax fi kliem il-Papa Franġisku, “il-mondanità toqtol il-Knisja”. Sinjali ta’ din il-mondanità huma l-vanità, il-prepotenza, is-suppervja, l-arroganza… Min hu maħkum minn din il-mondanità għandu “maċedonja bejn l-ispirtu tad-dinja u l-ispirtu ta’ Alla”. “Il-ferħ huwa paradossali u jirregalalna l-aħjar esperjenzi meta nilqgħu dik il-loġika misterjuża li mhijiex ta’ din id-dinja. Kif qal San Bonaventura dwar is-salib, din hi l-loġika tagħna. Jekk wieħed jagħmel tiegħu din id-dinamika, allura ma jħallix lil min imewwitlu l-kuxjenza, u jiftaħ qalbu kollha għad-dixxerniment”.

Imma Marija ħdejn Ġesù msallab tindikalna li l-Knisja trid tieqaf mal-imsallba tal-lum. X’sens fih li nżejnu bil-Kurċifiss tal-fidda jew indurat bid-deheb, imbagħad nagħlqu għajnejna għall-kurċifissi tad-demm u l-laħam? Kif Marija kienet tkun tiċħad il-maternità tagħha kieku ma waqfitx ħdejn Binha fuq is-salib, hekk il-Knisja tagħmel vulnus gravi lill-maternità tagħha jekk tabbanduna lill-imsallba tal-lum. “Mingħajr l-għażla preferenzjali għall-iżjed foqra, l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, li fiha nfisha hija l-ewwel forma ta’ karità, tkun fil-periklu li tkun mifhuma ħażin jew li tkun maħnuqa minn kwantità ta’ kliem li bih ninsabu mdawrin fis-soċjetà ta’ komunikazzjoni fi żmienna”. Meta nara li żdiedu l-għamliet ta’ faqar fis-soċjetà tagħna, nixtieq ħafna li ssir riforma fil-Caritas djoċesana u qed naħsbu biex possibbilment din is-sena jkollna ċentru ġdid għall-uffiċċji tal-Caritas fejn il-Knisja tkun tista’ tieqaf mall-imsallbin tal-lum.

Konklużjoni
Nafda fil-ftuħ ta’ qalb u fid-dispożizzjonijiet tajbin tagħkom dawn ir-riflessjonijiet u xewqat li fissirt, u nitlobkom tfittxu toroq ġodda għall-Knisja f’din id-Djoċesi. Kif is-Santwarju Ta’ Pinu huwa landmark nazzjonali ta’ din il-gżira għażiża għalina, ħa jkun ukoll dan is-Santwarju Marjan id-distintiv tal-Knisja f’Għawdex li, imnebbħin u msaħħrin mill-ġmiel ta’ Marija Omm il-Knisja, nagħmlu mill-Knisja lokali Ecclesia mater li tnissel lil Kristu fil-qalb tal-bniedem.

Meta nserraħ qalbi fuq il-kwadru mirakuluż tal-Madonna Ta’ Pinu u nilmaħ lil Marija, din l-ewwel Kewkba tal-Konċilju, tkennen lill-Appostli madwarha, nitlobha twennes ukoll lis-saċerdoti tagħna u timliehom bit-tama; fl-istess waqt nixtieq ngħidilha li kif dakinhar li ġiet imtellgħa s-Sema hija kellha l-faraġ li l-Appostli kienu ser ikomplu jħalluha tgħix fil-Knisja, hekk dan il-presbiterju djoċesan b’qalbu mkebbsa għal Kristu ser ikompli jagħmel minn din il-Knisja ikona ta’ Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.