Il-Logo tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ


It-Tlieta 15 ta’ Jannar 2019: Hekk kif qed joqrob il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn il-logo li ġie ddiżinjat minn Ambar Calvo, studentessa tal-arkitettura minn Panama.

WYD 2019-Logo-Meaning.jpgIl-logo fih tliet kuluri: aħmar, blu u ċelesti li juru l-imħabba u l-Passjoni ta’ Kristu, l-ilbies ta’ Marija, l-Oċean Paċifiku, il-Baħar tal-Karibew u l-kuluri tal-bandiera tal-Panama.

Dan huwa logo sempliċi li fih l-ittra M magħquda ma’ qalb li tirrappreżenta l-imħabba infinita ta’ Marija għall-umanità kollha. Fil-fatt Marija hija l-protagonista tad-disinn.

Jidher ukoll is-salib tal-pellegrini li huwa simbolu u xhieda tal-vjaġġ dejjiemi tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Fil-logo tidher ukoll il-forma tal-Panama li fi ftit jiem oħra se jkun qed jagħti merħba lil mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha.