Il-Kelma t’Alla hi l-ħajja li tgħinna nikbru


Il-Ħamis 17 ta’ Jannar. “Araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqus ta’ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj”. Huwa messaġġ u twiddiba serja, qal il-Papa Franġisku fl-omelija li għamel illum waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappellla tad-Dar Santa Marta.

L-awtur tal-Ittra lil-Lhud jindirizza lill-komunità nisranija kolla biex tevita li ftit ftit tħalli qalbha titħassar. Franġisku qal li hemm tliet kelmiet li jgħinuna nifhmu: ebusija, twebbis ir-ras, u seħer.

Il-qalb iebsa hi magħluqa, ma tridx tikber, dejjem lesta biex tiddefendi ruħha. Fil-ħajja ngħaddu min ħafna sitwazzjonijiet li jistgħu jwebbsulna qlubna. Ġralhom hekk id-dixxipli ta’ Għemmaws u Tumas. Imma min jibqa’ jwebbes qalbu hu beżżiegħ għalhekk b’qalb perversa.

Nistaqsu jekk qalbna hix iebsa, jekk inħalluhiex tikber, jekk nibżgħux inħalluha tikber. Qalbna tikber bil-provi, bid-diffikultajiet, bil-waqgħat bħat-tfal li jkunu qed jitgħallmu jimxu. Min hu qalbu iebsa hu beżżiegħ u dan hu atteġġjament ikrah għan-nisrani, għax jonqos fih il-kuraġġ li jgħix.

Hemm ukoll ir-ras iebsa. Agħmlu qalb lil xulxin, qal il-Papa, kuljum, biex ħadd minnkom ma jwebbes rasu. L-ostinazzjoni hi ras iebsa spiritwali. Il-qalb ostinata hi ribelli, magħluqa fiha nfisha, mhix miftuħa għall-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma t’Alla, il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu mhumiex ideoloġija, huma l-ħajja li tkabbar, li tiftaħ il-qalb għas-sinjali taż-żmien. Iżda r-ras iebsa, il-qalb iebsa, hi supperva, ebusija li tagħmel ħafna ħsara. Allura jien rasi iebsa? Għadni ħila nisma’ x’għandu jgħid ħaddieħor? Għandi ħila niddjaloga? Min hu stinat mhux kapaċi jiddjaloga, ma jafx jiddjaloga, marbut mal-ideoloġija tiegħu. L-ideoloġiji jagħmlu ħafna ħsara lill-poplu t’Alla, osserva Franġisku, għax jagħlqu l-bieb lill-Ispirtu s-Santu.

Il-kelma l-oħra li rrifletta dwarha l-Papa kienet “is-seħer”. Id-dnub isaħħarna, hu opra tax-xitan, is-saħħar il-kbir. Ix-xitan, osserva Franġisku, hu teologu kbir imma mingħajr fidi, mimli mibgħeda; irid jidħol u jiddomina l-qalb u jaf kif għandu jagħmel.

Allura, jew tikkonverti u tibdel ħajtek jew inkella tgħejx bil-kompromessi. Tistqarr li timxi wara l-Mulej, imma ftit ‘l hawn u ftit ‘l hemm. U tibda tgħejx ħajja doppja, ħajja ta’ kompromessi. U kif qal il-Profeta Elija lill-poplu ta’ Iżrael: Intom għandkom riġlejkom it-tnejn zopop. Izzappap mit-tnejn, ikkummenta l-Papa Franġisku, m’għandek ebda waħda soda.

Nimxi wara l-Mulej imma nħalli jidħlu fija ħwejjeġ li jagħmluni biered, iġegħeluni dejjem nagħmel il-kompromessi. Meta l-Mulej jurini t-triq anki bil-Kmandamenti, bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, infittex dak li jogħġobni u nipprova nimxi sieq waħda ‘l hawn u oħra ‘l hemm, inzappap b’riġlejja t-tnejn..

Jalla l-Ispirtu s-Santu, temm jgħid il-Papa Franġisku, idawwalna biex qalbna ma tkunx perversa, iebsa, beżżiegħa, rasha iebsa tant li twassana għar-ribelljoni, rwassalna biex inkunu iedoloġi, b’qalb imsaħħra lsira tas-seduzzjoni li tagħmel il-ħajja nisranija tagħna ħajja tal-kompromessi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.