Il-Preżentazzjoni tal-Mulej


Kitba ta’ Angelo Xuereb

a tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Ikun xieraq li nirriflettu ftit fuq is-sinjifikat ta’ din iċ-ċelebrazzjoni u x’tifsira għandha għall-ħajja ta’ kuljum.

1 Erbgħin jum wara l-Milied

Biex nifhmu l-isfond ta’ din il-festa irridu nħarsu lejn l-Iskrittura. Fil-ktieb tal-Levitiku naqraw: “U kellem il-Mulej lil Mose u qal: ‘Kellem lil ulied Israel u għidilhom: Mara, meta titqal u tiled tifel, tkun imniġġsa sebat ijiem, daqs meta tkun f’xaharha. It-tmien jum tieħu t-tarbija ċ-ċirkonċiżjoni, u hi ddum tlieta u tletin jum oħra tindaf minn demmha; ma tmiss l-ebda ħaġa mqaddsa u ma tidħolx il-maqdes, sakemm jintemmnu jiem it-tindif tagħħa”(Lev 12, 4). Fil-każ li t-tarbija kienet tkun tifla iż-żmien ta’ tisfija kien ikun id-doppju.

Inġibu ftit quddiem għajnejna il-ġrajja tal-Prezentazzjoni tal-Mulej kif inhija rakkontata mill-Vanġelu ta’ San Luqa versi minn 25 sa 40. Il-Verġni Marija b’Ġesu f’idejha, dieħla flimkien ma’ San Ġużepp fit-tempju. Wiċċhom jilma’ bil-ferħ. Xmuni mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu jiġi fit-tempju, jieħu ’l Ġesù f’dirajh filwaqt li juri ferħ mill-aktar kbir. Lil Ġesu jgħidlu li huwa “dawl ,biex idawwal il-ġnus”. Imbagħad Xmuni jdur fuq il-Verġni Marija u jgħidilha li sejf se jinfdilha qalbha minħabba fih. Fl-istess ħin il-Profetessa Anna bdiet titkellem fuq Ġesù.

Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika ta’ din il-festa issir il-purċissjoni bix-xemgħa. It-tifsira tagħha hija li Sidna Ġesu Kristu huwa d-dawl tassew li jdawwal id-dinja. Dan jfakkarna  fit-talba tan-Nunc Dimittis li qal Xmuni  l-profeta  meta refa’ ’l Ġesu tarbija f’idejh u qal:

“Issa tista’ tħalli l-qaddej tiegħek, ja Sidi, jmur, skont il-kelma tiegħek, bis-sliem; għax raw għajnejja l-ħelsien tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl, biex idawwal il-ġnus, u sebħ ta’ Israel il-poplu tiegħek” (Lq 29-32).

Jekk nistudjaw ftit il-Vanġelu ta’ San Ġwann naraw kemm jirrapreżenta ’l Sidna Ġesù Kristu bħala d-dawl li jiddi fuq id-dinja. Fil-Prologu tant sabiħ u profond jgħid: “Kien id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem sa jiġi fid-dinja” (Ġw 1, 9). Fl-istess prologu nsibu kuntrast kbir bejn id-dawl u d-dlam. Id-dawl jirrapreżenta ’l Kristu filwaqt li l-dlam jirreferi għall-ħażen: “Fiha kienet il-ħajja, u kient il-ħajja d-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam imma d-dlam ma laqgħux” (Ġw 1, 4-5). Fl-istess prologu nsibu silta sabiħa fuq Ġwanni l-Battista li l-missjoni tiegħu kienet li jixhed għad-dawl, jiġifieri Sidna Ġesù Kristu: “Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ma kienx hu d-dawl, imma biex jixhed għad-dawl” (Ġw 1, 6-8).

Jekk inkomplu nqallbu fl-istess Vanġelu nsibu li Sidna Ġesu Kristu jirreferi għalih innifsu bħala d-dawl: “Jien hu d-dawl ta-dinja; min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8, 12). Waqt il-miraklu tal-agħma mit-twelid qal: “Kemm indum fid-dinja, jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 9, 5). Qabel ma mar għall-passjoni qal ukoll: “Jien ġejt dawl fid-dinja, biex kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam” (Ġw 12, 46).

2 Ġesù kien u jibqa sinjal ta’ kontradizzjoni

Ġesù kien sinjal ta’ kontradizzjoni sa mill-bidu tal-ħajja tiegħu. Ġie mfittex għall-mewt minn Erodi filwaqt li matul il-ħajja pubblika tiegħu kien ippersegwitat. Naraw kemm folol imxew warajh u semgħu t-tagħlim tiegħu. Mill-banda l-oħra naraw dawk li ma riedu jafu xejn bih akkost ta’ kollox. Kienet verament ispirata minn Alla l-profezija ta’ Xmuni lill-Verġni Marija meta pprezentatu fit-tempju: “Ara, dan ikun tiġrif u qawmien għal ħafna f’Israel, u sinjal li jmeruh” (Lq 2, 34). U jekk nirriflettu ftit oħra naraw li għalkemm Sidna Ġesù Kristu kien l-Iben ta’ Alla, ħafna baqgħu ma għarfuhx tant li wasslu biex salbuh. Din il-persekuzzjoni għadha sejra sal-ġurnata ta’ llum taħt forma jew oħra.

Kien Sidna Ġesù Kristu li sejjaħ is-segwaċi tiegħu d-dawl tad-dinja: “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5, 14). Il-veru nisrani li jkun konvint li Ġesù huwa l-veru dawl, jkun xhud tiegħu filwaqt li jipprova jwasslu ’l oħrajn bil-mezzi li jkollu f’idejh. Iżda ta’ sikwit din ix-xhieda tirrikjedi sagrifiċċju u tbatija. Xmuni l-profeta qal lill-Verġni Marija: “u int ukoll is-sejf jinfidlek qalbek, biex jinkixfu l-ħsibijiet ta’ ħafna qlub” (Lq 2,35). Marija li kienet daqshekk qrib ta’ Kristu fizikament u spiritwalment kellha tgħaddi minn tbatijiet mill-aktar kbar.

3 Jum il-persuni kkonsagrati

Il-Knisja tiċċelebra f’dan il-festa, Jum il-persuni kkonsagrati jiġifieri r-reliġjużi u dawk kollha li qegħdin jgħixu taħt regola fl-istituti sekulari. Għalhekk il-persuna kkonsagrata lil Alla toffri minn rajha li tgħix il-Kunsilli Evanġeliċi li huma: Faqar, Kastità u ubbidjenza. Permezz ta’ dawn il-voti l-persuna ikkonsagrata tiċħad lilha nfisha kemm tista’ u toqrob mill-aktar possibbli lejn l-Imgħallem tagħha, Sidna Ġesù Kristu.

Iżda l-ħajja kkonsagrata barra l-qdusija personali għandha l-iskop li tkun xhieda ta’ Kristu fid-dinja. Il-faqar ifakkarna lil bnedmin li l-ġid materjali mhuwiex kollox, il-kastità tixhed li fil-ħajja eternail-bnedmin la iżewġu u jiżżewġu, filwaqt li l-ubbidjenza tagħti lezzjoni lil kulħadd li wieħed ma għandux jagħmel dak li jfettillu.

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.