Għoxrin fil-mija tat-tfal huma vittmi tal-gwerra.


L-Erbgħa 20 ta’ Frar 2019: Il-Papa Franġisku ilu jwissi li bħalissa għaddejja gwerra dinjija li qed tiġi miġġielda bil-biċċiet u tant tfal qed jibqgħu jkunu vittmi tal-kunflitt. Din ir-realtà kienet ikkonfermata minn rapport tal-għaqda globali tat-tfal “Save the Children” li wera li bħalissa hawn l-ogħla għadd ta’ tfal li qed jgħixu f’żoni affettwati minn kunflitti armati.

s3-redefine_childhood_share_card_school_2--default--1080.jpgIr-rapport bl-isem: “Stop the War on Children: Protecting Children in 21st Century Conflict”, juri li fl-2017, 420 miljun tifel u tifla kienu qed jgħixu f’żoni ta’ kunflitt, 30 miljun iktar mis-sena ta’ qabel. Dawn huma numri verament ta’ tħassib għaliex il-problema ta’ tfal f’żoni ta’ kunflitt qed tiżdied b’rata mgħaġġla u qed tikber ukoll it-tbatija tagħhom. Tifel jew tifla minn kull ħamsa qed jgħixu f’żona ta’ kunflitt u dan huwa l-ogħla għadd sa mit-tmiem tal-Gwerra Bierda.

Il-brutalità tal-kunflitti fil-ġurnata tal-lum wasslu biex f’għaxar pajjiżi mietu nofs miljun tarbija f’dawn l-aħħar ħames snin.

Barra minn hekk 870,000 tifel u tifla mietu f’dan l-istess perjodu qabel ma laħqu għalqu ħames snin. Ċifri li jkexkxu u li jġiegħluna nirriflettu dwar il-qagħda tad-dinja bħalissa.

It-tfal l-aktar li qed jesperjenzaw ħruxijiet jgħixu fil-Yemen u fis-Sirja iżda wkoll fis-Sudan t’Isfel u fin-Niġerja. Pajjiżi fejn hemm riskju kbir għat-tfal huma l-Afganistan, ir-Repubblika Ċentrali Afrikana, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Iraq, il-Mali u s-Somalja.

Dan ir-rapport jaħbat mal-100 sena mill-bidu ta’ Save the Children li hija organizzazzjoni ddedikata għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal li twieġeb għall-bżonnijiet tat-tfal.

Rapport tal-Kamra mill-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.