Evanġelju tas-Sibt 23 ta’ Frar 2019


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 9, 2-13

Normalment kien jitla’ fuq l-għolja jew fuq il-muntanja biex jitlob. Għalih l-intimità mal-missier fit-talb hija l-għajn ta’ kull deċiżjoni biex jagħraf, jilqa’ u jwettaq ir-rieda ta’ Alla bla ebda kundizzjoni; il-mument fejn dak ljrid Alla, isir dak li jrid il-bniedem.

Din id-darba tella miegħu xhieda: Pietru, dak li fuqu ried jibni l-Knisja tiegħu, Ġakbu, l-ewwel kap tal-Knisja ta’ Ġerusalemm u l-ewwel wieħed minnhom li ta ħajtu għalih u Ġwanni dak li baqa’ jgħix l-iktar. Il-bidla li sseħħ fit-talb fejn ilbies il-bniedem isir abjad u jgħammex mhux frott tal-ħidma tal-bniedem iżda ta’ Alla nnifsu; ħadd ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. Il-qdusija mhix ġejja mill-bniedem iżda minn Alla nnifsu.

Quddiem dehra bħal din, Pietru, li fuqu bena l-Knisja tiegħu, ried jibni mużew biex iżomm kollox kif inhu, ried li xxejn ma jitbiddel iżjed, għax mingħalih l-qofol kien intlaħaq. It-tinda fil-mentalità tal-poplu Lhudi għandha tifsira oħra; tfakkarhom fit-tined li l-poplu Lhudi kien iġorr, jibni u jħott mill-ġdid fil-mixja tiegħu fid-deżert, iktar u iktar fit-tinda l-kbira tal-laqgħa fejn Alla kien jgħammar matul dan il-vjaġġ twil mill-jasar għall-ħelsien tal-indipendenza mill-bnedmin fl-art imwiegħda, anke jekk mal-wasal f’din l-art il-poplu Lhudi pprova kemm-il darba jkun indipendenti minn Alla wkoll. Fit-tinda ma jistax ikollok lussu, jista’ jkollok l-essenzjal biss, m’hemmx xi jtellef għax kull ma jtellef u mhux bżonnuż trid iġġorru fuq dahrek u jtaqqallek passik.

Iżda l-qofol kien għadu ma ntlaħaqx, għax kellu jintlaħaq fuq u taħt għolja oħra: il-Kalvarju; hemm kellha sseħħ l-għotja u l-bidla li tiġi minn dik l-għotja’ hemm il-bidla sseħħ meta l-bniedem Alla jagħti lilu nnifsu f’għotja sħiħa ta’ mħabba u hemm jurina l-bidla, li Pietru pprova jsakkar fit-tined, tista’ sseħħ biss mat-twettiq sħiħ tar-rieda ta’ Alla, l-għotja fl-imħabba bla kundizzjoni.