Messaġġ tal-Papa Ljun waqt l-Angelus tas-16-il Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd 19 ta’ Lulju, 2026

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!

Wara l-parabbola taż-żerriegħ, Ġesù jkompli jkellem lill-folol permezz ta’ tixbihat: il-qamħ it-tajjeb u s-sikrana, iż-żerriegħa tal-mustarda, il-ħmira fid-dqiq (cfr Mt 13,24-43)

Tlett parabboli bl-għan li jfakkruna l-wasla tas-Saltna t’Alla fl-istorja, il-mod kif taħdem fil-ħajja tal-bnedmin, il-mod kif id-dinja tikber, titwessa’ u tittrasforma ruħha minn ġewwa.  B’dawn ir-rakkonti, Ġesù jwissina biex lil Alla ma nimmaġinawhx qiesu xi figura ta’ setgħa, li jimponi ruħu bil-forza, li jokkupa l-ispazju biex jiddomina, li jasal fid-dinja trijonfalment.  Għall-kuntrarju Alla jippreferi ċ-ċokon, sinjal tal-imħabba diskreta tiegħu, li tħallina ħielsa li nilqgħuh jew nirrifjutawh, li jipprova jiftaħ triq anki qalb is-sikrana, li jaġixxi fis-satra b’mod li ma jidhirx bħaż-żerriegħa l-aktar ċkejkna fost kollha u bħall-ħmira fl-għaġna, bla ma jagħmel ebda ħoss.

Ħuti, b’dawn il-parabboli Ġesù qed jgħidilna ħaġa importanti dwar il-mod kif jopera Alla f’ħajjitna u fl-istorja.  Kultant  aħna nistennew xi ħaġa straordinarja, nixtiequ Alla li mill-għoli jiġi biex mill-aktar fis iqaċċat is-sikrana tal-ħażen.  Nimmaġinaw Alla qawwi u setgħan u – sfortunatament – infasslu l-imġieba nisranija tagħna u l-mod li nkunu Knisja fuq dal-mudell. Iżda s-Saltna t’Alla tinfirex ukoll qalb is-sikrana u titlob minna viżjoni li biha nagħrfu nisiltu t-tajjeb li jinbet fost id-dlam tal-ħażen, bla ma niġġudikaw kollox u minnufih; jiġi bħall-iċken fost iż-żrieragħ u jitlob minna l-paċenzja li nagħrfu nakkumpanjaw il-proċessi, nagħrfuh fiċ-ċokon tal-ħajja ta’ kuljum u fis-sempliċità tal-ħajja ordinarja; jikber b’mod li ma jidhirx bħall-ħmira fid-dqiq u hekk, jeħlisna mill-iskoraġġiment u jistedinna biex nimtlew bil-fiduċja anki meta donnu jidher li Alla hu assenti.  Għax fil-verità hu jakkupanjana dejjem u mħabbtu taħdem għalina bla heda.

Dan l-istil t’Alla għandu jsir ukoll il-mod kif kemm individwalent kif ukoll bħala Knisja nabitaw ir-realtà li madwrin biha.  Aħna msejħin biex inħaddnu stil evanġeliku, bla ma nopponu bl-addoċċ u niġġudikaw bl-arroganza, bla ma nimponu ruħna bil-forza, bla ma nitilfu l-fiduċja fl-opra t’Alla. Ifisser – kien jgħid il-Kardinal Ratzinger – li nissottomettu ruħna għal-loġika taż-żerriegħa li mhix dik tas-suċċess u l-kburija, iżda li titlobna niċċekknu u nservu l-ħajja tal-oħrajn (cfr Diskors lill-Konvenju tal-katekisti u għalliema tar-reliġjon, 10 ta’ Diċembru, 2000).  B’dal-mod aħna stess insiru nixbħu ż-żerriegħa żgħira tal-Evanġelju li twarrad u l-ħmira ta’ mħabba li tittrasforma l-għaġna tad-dinja.

Nitolbu lil Marija Santissma, li fiċ-ċokon għarfet tilqa’ ż-żerriegħa tal-Kelma, biex tweżinna fil-mixja u tinterċedi għalina.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

jien u nqatta’ ftit jiem ta’ mistrieħ inġedded it-tislima tiegħi u l-gratitudni lilkom ilkoll, abitanti ta’ Castel Gandolfo, u nilqa’ bil-ferħ lill-pellegrini li waslu hawn minn diversi nħawi tad-dinja!

Qed inkomplu nsegwu bi tħassib kbir dak li qed jiġri f’diversi pajjiżi mikdudin bil-gwerra u l-vjolenza.  Ma ninsewx lil min qed isofri u jmut minħabba l-kunfitti u ma ninsewx l-impenn ġeneruz għall-paċi, ma dan ngħaqqdu wkoll it-talb tagħna.

Insellem lill-Komunità Ċenaklu ta’ Madre Elvira, miġbura f’Saluzzo fl-okkażjoni tal-Festa tal-Ħajja, lill-Moviment Familji Ġodda tal-Fokolarini miġbur għall-Iskola Internazzjonali, lill-istudenti Messikani li qed jieħdu sehem fl-APRA Summer School u lill-grupp tal-Catholic Worldview Fellowship.

Nestedni t-tislima tiegħi lill-adulti żgħażagħ, lill-membri tar-Regnum Christi, li qed jiffrekwentaw il-Kors Internazzjonali għall-Formaturi.  Insellem ukoll lil dawk li qed jieħdu sehem fil-“Pellegrinaggio del Leone” akkumpanjati minn Monsinjur Anthony Percy, isqof awżiljarju ta’ Sydney, fl-Awstralja.

Insellem ukoll lill-familji u lit-tfal tal-“Opera delle Suore di Carità dell’Assunzione” minn Ruma, liż-żgħażagħ mill-parroċċa ta’ San Salvatore f’Ġerusalemm, lill-Grupp Giovanissimi mill-parroċċa ta’ Santu Wistin minn Bovolenta u lill-pellegrini tal-Akkademia Liturġika minn Rzeszów.

Lilkom ilkoll nawguralkom Ħadd hieni!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading