Il-Papa f’Santa Marta: Alla hu ħanin imma jagħdab ukoll


Il-Ħamis 28 ta’ Frar 2019: Tħallix il-passjonijiet tiegħek jegħlbuk, toqgħodx titnikker biex iddawwar qalbek lejn Alla. Fl-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Papa Franġisku stedinna biex kuljum nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza, ngħarblu l-azzjonijiet li għamilna għax ħadd minna ma jaf kif se tintemm ħajtu.

Nieqfu ftit, nagħrfu liema huma l-fallimenti tagħna, inkunu konxji li t-tmiem jista’ jasal minn waqt għal ieħor u ma ngħejxux intennu li l-ħniena t’Alla hi infinita: ġustifikazzjoni biex nagħmlu dak li jidhrilna. Il-Papa tnebbaħ mill-pariri li hemm fil-Ktieb ta’ Bin Sirak u ħeġġiġna nibdlu qalbna u nikkonvertu lejn il-Mulej.

L-għaqal hi xi ħaġa ta’ kuljum, jibda mir-riflessjonni dwar il-ħajja u li nieqfu ngħarblu kif għexna. Isma’ s-suġġerimenti li jtina Bin Sirak li jixbħu dawk mogħtija minn missier lil ibnu, min-nannu lin-neputi.

Tħallix l-istint, is-saħħa tiegħek imexxuk huma biex timxi fuq il-passjonijiet li tissuġġerilek qalbek. Ilkoll kemm aħna għandna l-passjonijiet tagħna. Imma noqgħodu attenti, dawn il-passjonijiet niddominawhom aħna. Nikkontrollawhom għax il-passjonijiet mhumiex xi ħaġa ħażina. Nistgħu ngħidu li huma “d-demm”, l-enerġija li biha nwettqu ħafna affarijiet tajbin, imma jekk int bla ħila li tiddominahom, jirkbuk huma. Ieqaf, aħseb.

Il-Papa kkwota l-vers mis-salm li jgħid: ilbieraħ għaddejt u rajt bniedem; illum erġajt mort u ma rajtux aktar, biex jispjega li l-ħajja hi relattiva. Ħadd mhu etern, ma nistgħux naħsbu li nistgħu nagħmlu kull ma jidhrilna għax ninstrieħu fuq il-ħniena infinita ta’ Alla.

Tkunx daqstant prużuntuż li temmen li se tgħaddiha lixxa, wissa Franġisku, tgħid bejnek u bejn ruħek, la għaddejt s’issa, ngħaddi l-bqija wkoll. Veru li tkun għaddejtha tajjeb, imma s’issa…… Toqgħodx tgħid: Il-ħniena t’Alla hi kbira u jaħfrili dnubieti kollha. Il-parir li jagħti l-missier, in-nannu huwa: Toqgħodx tistenna biex tikkonverti lejn il-Mulej, biex tibdel ħajtek, biex ittejjibha, biex taħsad il-ħaxix ħażin minn ġo fik. Ilkoll kemm aħna għandna minnu imma jeħtieġ inqaċċtuh. Tħallix għal għada għax ma tafx meta se tfaqqa’ l-korla tal-Mulej.

M’għandniex nitnikkru biex nikkonvertu, tenna Franġisku, biex nibdlu ħajjitna, biex immissu l-fallimenti u l-insuċċessi li lkoll għandna u mingħajr biża’ nsibu l-ħila li niddominaw dak li jeċċitana.

Nagħmlu eżami tal-kuxjenza żgħir kuljum biex nikkonvertu. Ngħidu lilna nfusna: Se nagħmel ħilti biex dan għada ma nerġax nagħmlu. Forsi terġa taqa’, qal il-Papa, imma jkun xi ftit anqas. Però dan ikun ifisser li inti qed tmexxi lilek innifsek mhux li qed imexxuk il-passjonijiet tiegħek, dak kollu li jiġri f’ħajtek, għax ħadd minna ma jaf kif se tintemm il-ġurnata tiegħu.

Dawn il-ħames minuti fi tmiem il-ġurnata, temm il-Qdusija Tiegħu, jgħinuna ħafna biex ma nibqgħux inħallu l-konverżjoni lejn il-Muej għall-għada. Jalla bid-dehen tiegħu l-Mulej jgħallimna nimxu f’dit-triq.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber