Il-Papa f’Santa Marta: L-insara m’għandhomx ikunu ipokriti, bil-maskra


Il-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu 2019: Waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu l-Ġimgħa 8 ta’ Marzu l-Papa Franġisku kkummenta l-ewwel qari meħud mill-Profeta Iżaija u spjega d-differenza bejn dak li hu reali u dak li hu formali f’ħajjitna filwaqt li kkundanna kull għamla ta’ ipokrisija.

Dak li hu formali hu espressjoni ta’ dak li hu reali, beda jgħid Franġisku, imma dawn għandhom jimxu id f’id, inkella nispiċċaw biex ħajjitna tkun biss apparenzi, ħajja mingħajr verità fi qlubna.

Jeħtieġ niskopru mill-ġdid is-sempliċità ta’ dak li jidher, tal-apparenzi, speċjalment f’daż-żmien tar-Randan bit-tħaddim tas-sawm, tal-karità u tat-talb. Infatti l-insara għandhom jagħmlu penitenza waqt li juru li huma hienja. Inkunu ġenerużi ma’ min hu fil-bżonn mingħajr ma ndoqqu trombi. Induru lejn il-Missier kważi bil-moħbi, bla ma nfittxu li ħaddieħor jammirana.

Fi żmien Ġesù, issokta l-Papa Bergoglio, l-eżempju kien ċar kristall fl-imġieba tal-fariżew u tal-pubblikan. Illum xi kattoliċi jħossu lil huma “ġusti” għax huma membri ta’ xi għaqda, imorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd u ma jħossuhomx “bħal dawk l-imskejkna li ma jifhmu f’xejn”.

Min ifittex li jidher qatt ma jagħraf li hu midneb. Jipprova jidher b’wiċċ tas-santi, imma kollox superfiċjali, għad-dieher. Biex jiddeskrivi d-differenza bejn ir-realtá u l-apparenzi, Ġesù juża aġġettiv: Ipokrita.

Kull bniedem hu ttentat mill-ipokrisija u ż-żmien li jwassalna għall-Għid jista’ jkun okkażjoni biex nifhmu l-inkoerenzi tagħna, biex naraw liema saffi ta’ “make-up” għandna biex naħbu r-realtà. It-tema tal-ipokrisija, issokta jgħid, dehret ċara waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali.

L-ipokrisija tolqothom fil-laħam il-ħaj liż-żgħażagħ, l-ipokrisja ta’ min moħħu biex jidher l-aktar meta din tkun attitudni tal-”professjonisti tar-reliġjon”. Il-Mulej jitlob il-koerenza.

Kemm insara, anki kattoliċi, li jgħidu li huma prattikanti, jisfruttaw in-nies! Jisfruttaw lill-ħaddiema! Jibgħatuhom id-dar kif jibda s-sajf u jerġgħu jimpjegawhom meta jintemm u b’hekk dawn il-ħaddiema ma jibqgħalhomx dritt għall-pensjoni, m’għandhomx dritt itejbu s-sitwazzjoni tagħhom! U bosta minn dawn in-nies jgħidu li huma kattoliċi għax imorru l-quddies il-Ħadd. Dan hu dnub mejjet! Kemm hemm min jumilja lill-ħaddiema, ilmenta l-Qdusija Tiegħu.

Il-Papa Franġisku stedinna biex f’daż-żmien tar-Randan nerġgħu niskopru s-sbuħija tas-sempliċità, tar-realtà li trid timxi id f’id ma’ dak li jidher.

Itlob lill-Mulej itik il-qawwa biex tibqa’ miexi ‘l quddiem bl-umiltà. Imma lil qalbek tlibbisiex maskra għax il-Mulej ma jkunx jista’ jagħraf min int. Nitolbu l-grazzja li nkunu koerenti, li ma nkunux vanitużi, li ma nippruvawx nidhru li niswew aktar minn dak li aħna. Itlob dil-grazzja, f’dar-Randan: il-koerenza bejn il-formali u r-reali, bejn ir-realtà u l-apparenzi, temm iwissi l-Papa Franġisku.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.