Sitt snin ilu bħal-lum il-Papa Franġisku nħatar bħala l-266 Suċċessur ta’ Pietru


L-Erbgħa 13 ta’ Marzu 2019: F’għeluq is-sitt sena mill-ħatra tal-Papa Franġisku, il-vatikanista Andrea Tornielli ta ħarsa fuq fuq dwar il-pontifikat tal-266 Suċċessur ta’ Pietru.  Is-sena li ninsabu fiha hi mmarkata minn żewġ avvenimenti sinodali, dak tal-bidu dwar il-ħarsien tal-minuri, li fih ħadu sehem il-presidenti tal-konferenzi episkopali tad-dinja kollha, li sar fi Frar li għadda, u s-Sinodu speċjali l-ieħor li se jsir f’Ottubru, dejjem fil-Vatikan, dwar l-Amażonja.

fr1-elezzjoni-13032013Appuntament ta’ importanza partikolari kienet iż-żjara li għamel Franġisku fl-Emirati Għarab Magħquda fejn l-Isoqf ta’ Ruma u l-Imam il-Kbir ta’ Al-Ahzar iffirmaw dikajarazzjoni flimkien, dokument li jixegħel it-tama  li jħalli effett fil-qasam tal-libertà reliġjuża.

Fil-vjaġġi li dalwaqt jagħmel il-Papa fil-Bulgarija u r-Rumanija, qed tingħata importanza kbira lill-ekumeniżmu filwaqt li x-xewqa li jżur il-Ġappun – għalkemm jidher li se ssir għad m’hemmx konferma uffiċjali dwarha – tista’ tkun okkażjoni biex ma tintesiex il-qerda li ġabet magħha l-bomba nuklejari, u għandha tkun ukoll twissija lill-umanità ta’ issa u tal-ġejjieni li għaddejja mit-”tielet gwerra dinjija bil-biċċa” kif iħobb isejħilha l-Papa.

Ħarsa ħafifa lejn is-sena li għaddiet ma tistax tiżgiċċa l-iskandlu tal-abbużi u tal-firdiet interni fi ħdan il-Knisja.  Quddiem dawn is-sitwazzjonijiet, l-Isqof ta’ Ruma talab lill-fidili madwar id-dinja biex matul ix-xahar ta’ Ottubru li għadda jgħidu r-Rużarju kuljum sabiex jitolbu għall-għaqda u l-indiema bħala poplu t’Alla u, fl-istess ħin, jitolbu lil Omm Alla u lil San Mikiel Arkanġlu biex iħarsu l-Knisja mid-demonju li dejjem jaħdem biex jifridna minn Alla u bejnietna.

Talba bħal din, kiteb Tornielli, hi bla preċedent fl-istorja reċenti tal-Knisja.  Bi kliemu u bl-appell li għamel lill-poplu t’Alla biex jitobu għall-għaqda, il-Papa Franġisku berraħ is-sitwazzjoni gravi tal-Knisja bħalissa u fl-istess ħin qed jinsisti li r-rimedji umani waħedhom mhumiex it-triq ta’ serħan ir-ras għall-ġejjieni.

Illum ukoll, il-Knisja jeħtiġilha tfittex li xi Ħadd biex jeħlisha mid-deni.  Din hi realtà li l-Papa baqa’ jtanbar fuqha bla heda, l-istess kif għamlu l-predeċessuri tiegħu.

Il-Knisja ma tistax issalva lilha nfisha mill-ħażen li qed inikkitha.  Forsi s-sena li għaddiet, matul is-sitt sena tal-pontifikat tiegħu, aktar minn qatt qabel, il-Papa Franġisku baqa’ jippreżenta ruħu bħala “midneb maħfur” bħala xhieda ta’ dal-fatt l-aktar essenzjali u rilevanti tal-fidi nisranija.  B’dan l-atteġġjament Franġisku kompla jimxi fuq it-tagħlim tal-Missierijiet tal-Knisja u tal-predeċessur tiegħu Benedittu XVI.

Rapport tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Ara d-diskors kollu li ghamel il-Papa Franġisku dakinhar …