L-Isqof Galea-Curmi f’San Ġużepp, fil-Knisja Parrokkjali tal-Msida


It-Tlieta, 19 ta’ Marzu 2019: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fis-Solennità ta’ San Ġużepp, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp, Msida.

d5w_9025_1931918-26-39.155307747712.jpg

MA TISMAX ĦOSSU

San Ġużepp huwa qaddis magħruf mal-Knisja kollha. Is-sena d-dieħla hi l-150 sena minn meta kien iddikjarat minn Papa Piju IX patrun tal-Knisja universali fl-1870.

Imma San Ġużepp ma tismax ħossu fl-Evanġelju. Kważi dejjem qisu minn wara l-kwinti. Preżenti, jaħdem, jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu, imma fil-kwiet. F’dinja ta’ ħafna protagoniżmu, San Ġużepp jurina qabel xejn il-valur li l-protagonist jibqa’ l-Mulej u aħna nkunu l-aktar f’postna meta ma neħdux postu.

Fil-ħajja tiegħu, bil-ftit dettalji li fiha, insibu ħafna li jgħodd għalina. Dan il-bniedem kellu missjoni kbira imma ħajja ordinarja ħafna, għax ħajtu kienet iddur mal-familja u x-xogħol. Għandu x’jgħallimna.

Bniedem li jisma’

Smajnieha kemm-il darba li fl-Evanġelju ma nsibux kelma li qal. Forsi kultant ma nindunawx li fil-fatt, fil-ftit okkażjonijiet li niltaqgħu miegħu fl-Evanġelju, insibuh jisma’. Insibuh jipprova jisma’ u jifhem il-messaġġ ta’ Alla, il-kelma tiegħu. Siket hu biex il-kelma ta’ Alla tista’ tinstema’, tista’ tidħol f’qalbu u tibdillu l-pjanijiet tiegħu. Niftakru l-ġrajja ta’ meta ma setax jifhem x’qed jiġri b’Marija, kif hi saret omm. Kien diġa għamel il-pjanijiet tiegħu meta Alla wrieh mod ieħor. Għax sema’ lilu, b’fiduċja sħiħa fih, bidel il-ħsieb tiegħu biex jagħmel dak li jrid Alla.

Dan hu messaġġ qawwi għalina llum: li nfittxu li nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nagħtu każha, ukoll meta Alla jaħsibha differenti minna. U li Alla jgħinna nkunu bnedmin li nisimgħu wkoll lil xulxin.

Bniedem li jħobb

Il-ħajja ta’ San Ġużepp hi stampa ta’ x’jiġifieri tħobb. Kien dejjem jaħseb fl-oħrajn, iqiegħed l-interessi tal-oħrajn qabel tiegħu. Mhux hu l-ewwel, mhux hu fiċ-ċentru, pjuttost fil-ġenb. Insibuh dejjem jaħdem għal Marija u għal Ġesù, jaħdem biex jagħmel dak li hu tal-akbar ġid għalihom Fl-istess episodju li semmejt, fil-mument ta’ kriżi, meta ma setax jifhem x’qed jiġri, fittex l-interess ta’ Marija qabel tiegħu nnifsu. Kien jaf iħobb.

F’dan nistgħu ilkoll nixbħuh billi f’ħajjitna, ibda mill-familja tagħna stess, naħsbu f’ħaddieħor qabel fina nfusna. F’dinja ta’ ħafna ħoss, nagħmlu tajjeb nieħdu l-eżempju ta’ San Ġużepp ta’ ħidma mimlija mħabba magħmula mingħajr storbju.

Bniedem li jbati

San Ġużepp kien bniedem li bata minħabba s-sewwa. Kien jaf li l-prova tal-imħabba hi t-tbatija, is-sagrifiċċju. Tista’ tgħid li l-ftit drabi li jissemma, insibuh f’okkażjoni ta’ tbatija, ta’ sagrifiċċju. Narawh f’Betlem ma’ Marija ifittex post fejn titwieled it-tarbija u ma jsibux. Narawh jaħrab ma’ Marija u ibnu lejn l-Eġittu, refuġjati. Narawh ma’ Marija jfittex lil Ġesù meta ntilef, b’qalbhom maqsuma, u jisma’ r-risposta ta’ Ġesù – “ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ missieri?” – tfakkru li hu qiegħed hemm biex jieħu ħsieb… u ma jifhimx. Għadda minn tbatija u sagrifiċċju biex seta’ jgħix b’fedeltà dak li jrid Alla.

Anke f’dan hu messaġġ għalina, biex ma nibżgħux inbatu biex inħobbu tassew, inbatu għas-sewwa.

Nixtieqkom tinnutaw li, fil-fatt, l-ikbar tbatija ta’ San Ġużepp kienet biex ikun protettur tal-ħajja ta’ Marija u Ġesù, sa minn meta kien għadu ma twilidx imma kien imnissel. Hemmhekk kellu jieħu azzjoni biex jiddefendi l-ħajja, u għamel dan bil-kuraġġ kollu. Aħna wkoll, irridu inkomplu nħarsu l-ħajja li tahielna Alla bħala don tiegħu u li minna jistenna li nipproteġuha.

Il-protagonist jibqa’ l-Mulej

Jinbidlu ż-żminijiet imma l-eżempju ta’ San Ġużepp jibqa’ ħaj. Dawn it-tliet messaġġi li jagħtina huma ġa ta’ ġid kbir għalina: inkunu nies li nisimgħu lil Alla u lil xulxin; nies li nħobbu b’imħabba ġenwina; nies li nbatu għas-sewwa u biex nipproteġu l-ħajja.

Nitolbuh biex jgħallimna, imma wkoll biex iħarisna, speċjalment jitlob il-barka ta’ Alla fuq il-familji tagħna u l-ħidmiet tagħna, u fuq din il-parroċċa għażiża dedikata lilu. Bħala patrun tal-Knisja universali, nitolbuh biex iħares il-Knisja u jgħinna lkoll inkunu mhux dawk li nwaddbu l-ġebel lejn il-Knisja imma dawk li ngħinu bħal ġebel ħaj fil-bini tal-Knisja skont il-qalb ta’ Alla.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju