Nixtieq ninbidel f’Marija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 7 ta’ April 2019: Meditazzjoni tal-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fi tmiem il-Via Crucis Djoċesana, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.NIXTIEQ NINBIDEL F’MARIJA

Ilbieraħ filgħaxija f’dan is-Santwarju ċċelebrajna l-Ewkaristija biex irroddu ħajr lil Alla li fost is-saċerdoti ta’ din id-Djoċesi, sittin sena ilu tana lill-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard. Kien fit-12 ta’ April 1959 li Dun Mikiel irċieva l-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Bħalissa l-Knisja qed tagħmel stħarriġ dwar dan is-saċerdot twajjeb biex eventwalment, jekk hija r-rieda ta’ Alla, ikun igglorifikat fuq l-altari.

Darba, f’omelija li għamel fil-festa tad-Duluri, Dun Mikiel qal: “Ibku ma’ Marija, imma tibkux lil Marija”. Fi tmiem din il-Via Crucis, fejn f’din is-Sena Marjana kkontemplajna l-Passjoni tal-Mulej Ġesù msieħeb minn Marija, inħoss li lil din il-Knisja għandi ntennilha dak li qal Dun Mikiel: Ma nibkux lil Marija, imma nibku magħha.

X’wassal biex Marija jkollha qalb miksura? Huwa veru li d-Duluri rat lil Binha Ġesù, laħamha, jissallab u jinqatel b’mewt brutali. Imma d-dulur il-kbir ta’ Marija li ħarġilha d-dmugħ minn qalbha kien in-nuqqas ta’ fidi fil-Lhud. Dak li wassal għall-qtil tal-Iben ta’ Alla ma kinitx il-mibegħda, il-vjolenza jew il-kefrija tal-Lhud, imma n-nuqqas ta’ fidi. Ġesù “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”.

Għalhekk, fi tmiem din il-Via Sagra nagħmlilkom sejħa biex issostnu l-fidi tagħkom u tkebbsu l-fidi fl-oħrajn, partikularment fil-ġenerazzjonijiet li telgħin. Għaldaqstant nipproponilkom lil Marija, il-mara li għexet bil-fidi. Fi kliem Santa Eliżabetta, Marija hija “hienja” għax emmnet. Hija x-xempju għal kull min jemmen. Kif aħna l-Isqfijiet semmejna fl-Ittra Pastorali tar-Randan, għandna l-Via Matris li tirrakkontalna mhux biss it-triq tad-duluri ta’ Marija, imma wkoll it-triq tal-fidi tagħha. Għax kif tgħallimna l-Knisja, Marija mxiet it-triq tal-fidi. Hija emmnet, imma matul il-ħajja tagħha hija kibret fil-fidi, immaturat fil-fidi tagħha, għaddiet mill-provi li saħħewha fl-abbandun sħiħ fir-rieda ta’ Alla. Kif jikteb il-Papa San Ġwanni Pawlu II, “Marija temmen kuljum fil-provi u l-kuntrarjetajiet li kellha tara mit-tfulija ta’ Ġesù u matul il-ħajja moħbija f’Nazaret” (Redemptoris Mater, 17).

Wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, Sant’Irinew, jikteb li bl-ubbidjenza tagħha Marija ħallet l-għoqda l-kbira li għamlet Eva bid-diżubbidjenza tagħha; bil-fidi tagħha Marija ħallet ir-rabta li Eva għamlet bin-nuqqas ta’ fidi tagħha (Adversus hæreses, III, 22,4). Illum ukoll, bl-iva tagħha Marija tkompli tħoll l-għoqiedi li jinħolqu bin-nuqqas ta’ fidi. Għax fejn ma hemmx fidi, l-imħabba hija mġarrba bis-sħiħ, u fejn l-imħabba hija nieqsa, hemm kull xorta ta’ tbatija. Jekk aħna ma nibżgħux neħduha magħna fi djarna, Marija tweżinna fil-mixja tal-fidi u hekk tgħinna nneħħu l-għoqod li għandna fuq l-istonku tagħna. Għax kull fejn hemm xi għoqda fil-ħajja personali, familjari u komunitarja tagħna, din ġejja min-nuqqas ta’ fidi u ta’ mħabba. Min tassew jemmen f’Alla li rrivelalna Ġesù Kristu kapaċi jara l-għoqod jinħallu.

Biex fina jkun hemm din l-għaqda intima ma’ Marija, “Omm il-fidi tagħna” (Lumen fidei, 60), nipproponi biex f’din is-Sena Marjana nġeddu l-għotja sħiħa tagħna lil Marija billi nagħmlulha att ta’ affidament jew konsagrazzjoni lilha. Dan l-att ta’ mħabba u fiduċja jista’ jsir minna individwalment, mill-familji tagħna, mill-gruppi u mill-komunitajiet parrokkjali tagħna. Charles de Foucauld għandu talba sabiħa li tagħtina ħjiel dwar xi jfisser dan l-att ta’ affidament lil Marija. Charles de Foucauld kien Franċiż li għal xi żmien kien tilef id-don tal-fidi, imma wara tnax-il sena reġa’ skopra l-ġmiel tal-fidi. Barra li kien devot kbir tal-Ewkaristija, huwa kellu devozzjoni profonda lejn il-Madonna tant li kellu xewqa li jinbidel f’Marija u jsir Marija oħra. Fil-fatt, huwa jikteb hekk: “Inwiegħed li ngħasses fuq ir-rieda tiegħi biex inkun nista’ nagħti lil Marija l-azzjonijiet kollha tiegħi, dak kollu li jagħmilni kuntent, il-ħajja spiritwali kollha tiegħi, sabiex hi toffrihom u tagħtihom kollha lil Ġesù. Biex ħajti kollha u l-għemejjel tiegħi kollha jkun f’għaqda ma’ Marija, inwiegħed li ngħasses fuqi nnifsi biex ikolli r-rieda li fil-ħajja spiritwali tiegħi kollha u fl-appostolat tiegħi nkun ħaġa waħda ma’ Marija, mal-ħajja interjuri tagħha u mal-ħidma tagħha. Inwiegħed li ngħasses fuqi nnifsi biex ikolli r-rieda li naħdem biex ninbidel f’Marija bl-għan li nsir Marija oħra ħajja u atttiva, biex nibdel fiha u permezz tagħha ħsibijieti, xewqati, kliemi, għemili, talbi, tbatijieti, ħajti u mewti”.

Nitolbu lil Alla li bl-interċessjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel, devot kbir tal-Madonna Ta’ Pinu, tkun ix-xewqa tagħna lkoll li “ninbidlu f’Marija” u “nsiru Marija oħra”. Hekk il-Knisja tagħna tkompli tkun Knisja Marjana – mhux għax għandna għadd ġmielu ta’ statwi tal-Madonna u knejjes iddedikati lilha, imma għaliex kull wieħed u waħda minna nimpenjaw ruħna li ninbidlu f’Marija… u Marija tibdilna f’Ġesù Kristu. Amen.

Leave a Reply

%d bloggers like this: