Alla qatt ma jitlaq lill-bniedem


F’dan ix-xahar niċċelebraw il-festa tal-Għid il-Kbir. Festa ta’ ferħ iżda qabel l-Għid hemm il-Ġimgħa l-Kbira.

Meta niftakru fil-passjoni kiefra li ġarrab Kristu forsi ngħidu li Alla nsieh. Kien Kristu stess li minn fuq is-salib talab: “Alla tiegħi, Alla tiegħi l-għala tlaqtni” (Mt 27, 46). Ġarrab moħqrija ta’ kull xorta; flaġellazzjoni, żeblih, inkurnat bix-xewk, mgħajjar u msallab ma’ salib. Kull ħaġa li semmejt ġabet tbatija kbira fuq Kristu.

Kull tant jiġru xi ħwejjeġ li mingħajr ma rridu nistaqsu Alla fejn hu. Huwa li jista’ kollox u li għandu qawwa bla tarf għaliex jippermetti li jiġru ċerti affarijiet. Naraw fuq it-televiżjoni; għarar, terrimoti, gwerer, vjolenza, nies mejtin bil-ġuħ, jew maħkuma minn mard li bi ftit kura jitfejjaq.

Mhemmx risposta faċli għal dawn il-mistoqsijiet. Veru li ċerti ħwejjeġ bħala ingustizzji jiġu frott l-egoiżmu tal-bniedem iżda fenomeni bħal terrimoti ma huma tort ta’ ħadd. Ir-risposta nsibuha fuq il-Golgota. Ġesù, l-Iben ta’ Alla u t-tieni persuna tat-Trinità ma kellux dnub iżda frattant Alla l-Missier sqieh il-kalċi tal-passjoni. U jekk Kristu ħaddan is-salib aħna wkoll ikollna nħaddnuh.

Iżda jekk fil-Ġimgħa l-Kbira l-Knisja ġġibilna quddiem għajnejna s-salib ta’ Kristu nhar l-Għid il-Kbir naraw ir-rebħa ta’ Kristu. Min jirraġuna li Alla abbanduna għal kollox lil Kristu ma għandux raġun. Nistgħu ngħidu l-Missier inħeba lil Kristu iżda mhux biss ma nsiehx iżda fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet.

Alla ma jinsa lil ħadd u jekk aħna nħaddnu s-salib ser iqajjimna mhux biss fl-aħħar jum iżda minn din id-dinja stess permezz tal-paċi tal-qalb.

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.