NIFIRĦU MA’ KRISTU


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Illum qegħdin niċċelebraw l-Għid il-Kbir li huwa l-akbar festa tal-Knisja.

Għandna raġun nifirħu ma’ Kristu. Il-qawmien tiegħu mill-mewt jurina biċ-ċar li huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Kieku kien bniedem straordinarju kien forsi jmur għall-passjoni u jmut, iżda żgur ma kienx iqum mill-mewt. Kristu biss seta jagħmel dan.

Għax Kristu rebaħ il-mewt it-tagħlim tiegħu għandna neħduh bis-serjetà. Kien huwa stess li qalilna: “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mk 13, 31).  U l-qawwa ta’ Kristu lanqas hija momentarja u li tgħaddi, tant li l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħidilna: “Ġesù Kristu hu dak li kien fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (13,8).

Il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huwa l-garanzija tar-reliġjon Nisranija. San Pawl jikteb: “Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. U aħna noħorġu wkoll ta’ xhieda foloz ta’ Alla, għaliex inkunu tajna xhieda kontra Alla li huwa qajjem lil Kristu mill-imwiet, filwaqt li ma jkun qajmu xejn, kieku hu tassew li l-mejtin ma jqumux” (1 Kor15, 14-15).

Kieku Kristu ma qamx mill-imwiet ir-reliġjon tagħna hija fiergħa. Inkunu nittamaw fil-ħajja eterna u fil-qawmien mill-imwiet iżda xħin tfittex ma ssib xejn.

Inkunu nitqarrqu jekk naħsbu li wara l-qawmien ta’ Kristu, it-tbatija  kellha tispiċċa u n-nies ma jibqgħux imutu. Iżda min imut magħqud ma’ Kristu, wara li jgħaddi mit-tisfija tal-purgatorju u jmur il-ġenna għad iqum b’ġisem glorjuż fl-aħħar jum.

Għalhekk l-Għid il-Kbir huwa festa ta’ ferħ u tama. Mhix tama vojta iżda garanzija. Jekk naraw xi reklam ta’ investiment naraw li l-passat mhux garanzija tal-futur. Iżda fil-każ ta’ Kristu huwa bil-maqlub. Il-qawmien ta’ Kristu huwa garanzija ta’ salvazzjoni u ta’ qawmien mill-imwiet għal min jemmen fih: “Min jemmen fija jgħix dejjem!” (Ġw 6, 47).