L-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem


It-Tnejn, 29 ta’ April 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, fil-Bitħa taċ-Ċentru Amministrattiv tal-Ministeru għal Għawdex, il-Belt Victoria.
_DSC2048

IX-XOGĦOL U L-FAMILJA

Fil-parti l-kbira tagħhom in-nies tagħna jaħdmu biex jaqilgħu l-għajxien għall-familja tagħhom. Huwa sodisfazzjon kbir tiegħi meta nisma’ ċerti ħaddiema tagħna jgħidu li kull filgħodu jsibu l-qawwa biex jibdew il-ġurnata tax-xogħol għax f’moħħhom u f’qalbhom ikollhom il-familja. Il-ħsieb tal-familja jimmotivahom biex kemm fil-bnazzi u kemm fil-maltemp (fis-sens wiesa’ tal-kelma) kuljum isibu ruħhom fuq l-għant tax-xogħol tagħhom. L-imħabba lejn il-familja hija l-mutur li jimbotta l-ekonomija ta’ pajjiżna. Hemm rabta qawwija bejn ix-xogħol u l-familja. Il-familja u x-xogħol jeħtieġu lil xulxin.

Ix-xogħol jagħti dinjità kemm lill-ħaddiem innifsu u kemm lill-familja tiegħu/tagħha. Kull min għandu impjieg għandu moħħu mistrieħ li, tajjeb jew ħażin, ser ikollu mezzi biex jipprovdi għall-ħtiġijiet tal-familja. Meta x-xogħol jonqos, ibati l-ħaddiem u miegħu familtu. Ma nistgħux ma napprezzawx l-iżviluppi li seħħew f’dawn l-aħħar snin kemm fil-kamp tal-leġiżlazzjoni u kemm fil-politika soċjali biex jinstab il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja; imma nħoss li din ir-riflessjoni għandha tkompli ssir, għaliex qegħdin dejjem jinħolqu sfidi ġodda, ħafna drabi imposti minn “ekonomija li toqtol”, liema sfidi jistgħu jolqtu ħażin lill-familji tagħna.

Illum, aktar minn qatt qabel, “b’ħatba waħda ma ssajjarx”, għaliex kotru l-ħtiġijiet u l-esiġenzi marbuta mat-trobbija u l-edukazzjoni tal-ulied. Naf b’każ jew tnejn fejn familja ta’ ħaddiem normali ma kellhiex mezzi biex wieħed minn uliedha jagħmel esperjenza proposta bħala parti mill-kors tal-istudji terzjarji tiegħu. F’pajjiżna ġieli sar diskors dwar living wage u family wage. Naħseb li jkun pass fid-direzzjoni t-tajba jekk fil-qafas tar-riflessjoni wiesgħa li ssir fis-soċjetà tagħna, tingħata aktar attenzjoni għal dawn il-kunċetti.

Jekk “b’ħatba waħda ma ssajjarx”, huwa importanti li wieħed jagħżel l-aħjar “ħatab” biex ikebbes in-nar, għax jeżisti r-riskju li l-“ħatab” li niġbru fuq ir-riħ (it-tieni xogħol, is-sahra esaġerata, u l-bqija) jaf jaħraq lill-ħaddiem innifsu u lill-familja. Il-qies huwa regola tad-deheb li għandha tiggwidana f’dak li niddeċiedu li ser “insajru” għall-familja, u jekk ikun hemm ħtieġa vera, xi kwalità ta’ “ħatab” ser nagħżlu biex ikollna n-nar.

Huwa importanti li fid-dinja tax-xogħol ikun hemm dawk il-kundizzjonijiet biex jinstab l-ekwilibriju bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Proprju lbieraħ koppja miżżewġa qaltli li ma jħossux li jistgħu jibdew jaħsbu biex ikollhom l-ewwel tarbija, għaliex skont huma kif inhu l-parental leave bħalissa mhux biżżejjed biex ġenitur ikun jista’ jakkumpanja lill-wild tiegħu fi żmien daqshekk kruċjali. Wieħed jawgura li l-ġenituri li joħorġu jaħdmu jibqgħalhom quality time biżżejjed biex jinvestuh għal xulxin bħala koppja u għal uliedhom. Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ jikkundizzjona ħafna x’għażliet tagħmel il-familja, kif din tinvesti fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-istess membri, u x’tip ta’ relazzjoni dawn iżommu mas-soċjetà u l-Knisja. Mhux darba u tnejn jiġri li minħabba x-xogħol il-bniedem jiftaqar spiritwalment u jittraskura l-ħajja tat-talb personali, familjari u mal-komunità. Kif ix-xogħol jista’ jkun ta’ detriment għall-familja, familja li hija fqira fir-relazzjonijiet taf tkun ukoll ta’ xkiel għall-istess produzzjoni.

L-impjiegi ma jaqgħux mill-ajru u l-ħolqien tax-xogħol huwa biċċa ksur ir-ras kemm għas-settur pubbliku u kemm għal dak privat. Għandna nkunu grati lejn dawk li jipprovdu x-xogħol. Il-qasam tal-impjiegi jġorr miegħu responsabbiltà enormi, għaliex jekk jonqos ix-xogħol dan joħloq dannu soċjali u familjari gravi. Għalhekk huwa dmir ta’ kull ħaddiem li ma jabbużax mill-impjieg tiegħu u jkun ġust ma’ min qed iħaddmu. Inkella l-ħaddiem iġib il-ġebla fuq saqajh u jagħmel deni kemm lill-ażjenda u kemm lilu nnifsu u lill-familja tiegħu.

Karatteristika sabiħa ta’ pajjiżna hija “r-ruħ soċjali” li għandna. Huwa ferm importanti li ma nitilfux din il-kwalità daqshekk umana u sagra. Dan ma jgħoddx biss għall-klassi li tmexxi imma wkoll għall-ħaddiema nfushom. Kif iħobb jgħidilna l-Papa Franġisku, ngħassu fuqna nfusna biex ma ninħakmux mill-“globalizzazzjoni tal-indifferenza” fejn “bla ma nintebħu, nitilfu l-ħila li tiġina ħniena quddiem il-karba tal-uġigħ tal-oħrajn, ma nibqgħux nibku iżjed quddiem it-tbatija tal-oħrajn u lanqas jinteressana nieħdu ħsiebhom, qisu kollox kien responsabbiltà li ma tmissx lilna u għalina hi barranija” (EG, 54).

Bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp Ħaddiem nitolbu lil Alla jżomm idejh fuq il-ħaddiema kollha tagħna u jgħinna nkomplu ninvestu ħsieb u enerġija biex ix-xogħol jibqa’ jkun attività li twieżen il-familja u li l-familja, li hija patrimonju tal-umanità u istituzzjoni soċjali fundamentali, qatt ma ssir pedina fl-istrateġija ekonomika.