NEGĦLBU L-BIŻA’

Print Friendly, PDF & Email

14. Is-Sibt wara t-Tieni Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Imma hu qalilhom: “Jien hu, la tibżgħux.” (Ġw 6, 18).

“Jien hu, la tibżgħux” hija t-tislima li Ġesù ta lid-dixxipli waqt li kienu fuq id-dgħajsa u kien ġa dalam, u l-baħar kien tqawwa sewwa u huwa kien għadu ma ġiex jilħaqhom. Din hija parti mir-rakkont ta’ kapitlu 6 ta’ San Ġwann, li turi s-setgħa divina ta’ Ġesù.

Ġesù jagħtina din it-tislima b’mod speċjali meta nkunu għaddejjin mill-maltemp tal-ħajja. Veru li f’ħajjitna xi kultant ngħaddu minn xi burraxka iżda anki fit-tbatija Ġesù jistedinna biex nafdaw fih u ma naqtgħux qalbna.

Ġesù huwa ta’ min jafda fih. Qabel ma mar għall-passjoni u qabel ma tela’ s-sema għamilha ċara li se jibqa’ magħna sal-aħħar taż-żmien. Ġesù huwa ta’ min jafda fih għax għadda mill-prova tal-passjoni, iżda fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet biex ma jmutx aktar.

Veru li nistgħu ngħaddu mill-istess esperjenza tad-dixxipli. Jista’ jiġri, kif naqraw fil-ħajjiet tal-qaddisin, li minn xi daqqiet Ġesù jinħbielna. Iżda ma għandniex naqtgħu qalbna, konvinti li “Ġesù Kristu, l-bieraħ u llum hu l-istess u jibqa’ għal dejjem” (Lh 13,8). Il-kelma eżatta hija jinħbielna u aħna ma nħossux il-preżenza sensibbli tiegħu. Iżda Hu jkun magħna, u fl-aħħar Ġesù jitfaċċa u nindunaw li Kristu kien magħna, kontinwament.

Il-bniedem matul ħajtu fuq din l-art ikollu jħabbat rasu ma’ diversi biżgħat. Fuq kollox il-futur inċert u lanqas nafu x’se jiġri ftit tas-sekondi oħra. Imma Kristu jgħidilna: “La tibżgħux”. Niftakru wkoll f’din is-sentenza ta’ San Pawl: “Min jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, perikli, sejf … Iva, jiena żgur li u la l-mewt lanqas il-ħajja, la l-anġli lanqas il-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa lanqas li ġej, lanqas is-setgħat, la l-għoli lanqas il-fond, lanqas l-ebda ħlieqa oħra ma tista’ tifridna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna (Rum 8, 25-39).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading