Publiju: F’qalbu l-protezzjoni tal-ħajja umana


Is-Sibt, 4 ta’ Mejju 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea-Curmi, lejlet il-Festa ta’ San Publiju, fil-Knisja Parrokkjali, il-Furjana.

whatsapp_image_2019-05-04_at_21.155703649261-e1557044400980.jpeg

PUBLIJU: F’QALBU L-PROTEZZJONI TAL-ĦAJJA UMANA

Publiju kien il-Protos, jiġifieri l-ewwel wieħed, il-prinċep ta’ Malta, il-mexxej. Fis-silta li għadna kif smajna mill-Atti tal-Appostli, li tiddeskrivi n-nawfraġju ta’ Pawlu u ta’ dawk kollha li kienu fuq il-ġifen, Publiju jissemma ftit; imma hemm ħafna x’nitgħallmu minn dan il-prinċep tal-gżira.

Qalb kbira li tgħożż il-ħajja

Is-silta tal-Atti tal-Appostli fuq Publiju tgħid: “Laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu”. L-enfasi hi fuq il-qalb kbira tiegħu. San Ġwann Krisostmu, fil-kummentarju fuq din is-silta tal-Atti, jgħid: “Irid ikollok qalb kbira biex tilqa’ u żżomm għandek mitejn u sitta u sebgħin ruħ”.

Publiju kellu din il-qalb kbira. F’qalbu kellu l-ħarsien tal-ħajja umana. Għen biex tkun salvata l-ħajja ta’ Pawlu u ta’ dawk kollha li kienu qed jivvjaġġaw miegħu u biex tkun rispettata d-dinjità tagħhom bħala bnedmin. Meta laqagħhom bil-qalb, wera kemm kien jistma u jgħożż il-ħajja.

Publju ma għamilx distinzjoni bejn ħajja u oħra. Għalih kull ħajja kienet tiswa. Kemm dik ta’ missieru, li kien marid u li sab il-fejqan minn Pawlu; imma wkoll dik ta’ kull persuna fuq il-ġifen, ta’ nies li ma kienx jaf, ta’ dawk li dak iż-żmien kienu meqjusin bħala skjavi.

Publiju ma għenx lil dawn in-nies għax ra li seta’ jikseb xi ħaġa minnhom. San Ġwann Krisostmu jgħid: “Dan Publiju, raġel għani u jista’, ġietu ħniena minnhom, laqagħhom għandu bil-qalb u dar bihom, mhux għax kien ra xi ħaġa minnhom, iżda minħabba l-għawġ li ġie fuqhom”.

Il-messaġġ qawwi li Publiju jagħti lill-mexxejja ta’ żmienna, imma wkoll lil kull wieħed u waħda minna, hi li l-ħajja umana hi imprezzabbli. Fi kliem San Ġwann Krisostmu: “Fehmu li huma wkoll (i.e. in-nies tal-ġifen) kienu bnedmin”. Kienu bnedmin. Il-ħajja umana titlob minna protezzjoni mill-ewwel mument tagħha, meta hi tassew fraġli, sal-aħħar mument tagħha, imma wkoll f’kull waqt tagħha. Il-ħajja tal-bniedem hi dik li għandna dejjem inġorru f’qalbna.

Il-mument li neskludu minn qalbna l-ħajja umana li għadha ma twelditx, jew il-ħajja umana li qed tbati biex issalva mill-għarqa, jew il-ħajja umana li ma tistax tirrendi u mhijiex aktar produttiva għax qiegħda viċin il-mewt, jew il-ħajja umana li b’xi mod hi dipendenti u ma tistax tkampa mingħajr għajnuna – dak il-mument ikun sinjal li qalbna tkun saret xierfa. Għalhekk, il-memorja ta’ Publiju hi ta’ min għandu f’qalbu l-protezzjoni tal-ħajja umana, qalb kbira li tagħmel ġieħ lil pajjiżna.

Bniedem ta’ azzjoni

Publiju kien mexxej ta’ azzjoni. Ma nsibu ebda kelma li qal Publiju, avolja żgur kien jitkellem, imma nsibuh dejjem jieħu azzjoni. Ma baqax gallarija; fil-mument tal-prova refa’ r-responsabbiltà li kellu bħala prinċep tal-gżira.

Kien lest jiskomoda ruħu biex jaqdi r-responsabbiltà tiegħu ta’ mexxej, u bl-azzjoni tiegħu jagħti messaġġ ta’ ispirazzjoni lir-residenti f’Malta li dawn in-nies barranin, persuni bħalhom, kienu jeħtieġu l-għajnuna. Fil-fatt, fl-Atti tal-Appostli naqraw: “tawna wkoll minn kull xorta ta’ ġid”. Mhux biss, imma meta ġew biex jitilqu minn Malta, il-Maltin “għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu”.

Il-Maltin, ispirati mill-mexxej tagħhom Publiju, fetħu qalbhom u idejhom, u ħadu azzjoni konkreta li wriet il-qalb kbira tagħhom.

F’dan ukoll Publiju jgħallimna li meta nitkellmu fuq dak li ngħożżu f’qalbna rridu nuruh bil-fatti, b’azzjoni konkreta li turi tassew kemm aħna nistmaw lil kull ħajja umana.

Ispirazzjoni

Publju għalhekk jibqa’ llum ta’ eżempju kemm għal min hu mexxej, imma wkoll għalina lkoll.

Nitolbuh biex iħares lil din il-komunità parrokkjali tal-Furjana, ikompli jsaħħaħha, jipproteġiha minn min irid jeqred dak li hu għażiż għaliha, u jinkoraġġiha biex tħares ’il quddiem b’kuraġġ li jegħleb kull ostaklu.

Nitolbu wkoll lil Publju biex ikompli ikun dejjem ta’ ispirazzjoni u għajnuna f’ħajjitna, u speċjalment biex aħna l-Maltin ngħożżu f’qalbna l-ħajja umana u nuru kemm din tassew tfisser għalina bl-azzjoni li nieħdu għall-protezzjoni tagħha dejjem u sal-aħħar.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.