Inħallu lil Alla jissorprendina!


 Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

“Inħallu lil Alla jissorprendina. Huwa qatt ma jgħejja jiftaħ beraħ il-bibien ta’ qalbu bil-għan jibqa’ kuljum jgħidilna u jerġà jgħidilna li jħobbna u li jrid jaqsam ħajtu magħna” (Misericordiae vultus, 25). Dan huwa kliem Papa Franġisku  li tahulna fil-Bolla ta’ Indizzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena (8 Diċembru 2015 – 20 Novembru 2016).

Għalkemm minn dan il-Ġublew diġa għaddew tlett snin minn mindu ġie ċċelebrat imma żgur li jinħtieġ li nibqgħu ngħixuh. U dan il-Papa Franġisku jgħina nagħmluh għaliex meta nisimgħu b’attenzjoni l-lingwaġġ tiegħu żgur li tolqotna il-kelma “ħniena” li kontinwament itenniha fid-diskorsi u l-kitbiet tiegħu.

Il-kelma tal-Papa Franġisku fuq is-suġġett tal-”ħniena” mhix biss kwistjoni ta’ kwantità għall-fatt li jsemmieha diversi drabi imma wkoll wieħed irid iħares lejha fil-kwalità tal-intensità u l-profondità tagħha. Hekk kif josserva l-Kardinal Walter Kasper meta qal li “il-Papa Franġisku għamel mill-’ħniena’ it-tema ċentrali u fundamentali tal-pontifikat tiegħu” (W. KASPER, La sfida della misericordia, Qiqajon, 2015,22).

U MIN M’GĦANDHUX BŻONN ĦNIENA?

Hekk stqarr il-Papa Franġisku fl-Omelija tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2015 meta ħabbar il-Ġublew tal-Ħniena: “Ninsab konvint li l-Knisja kollha għandha bżonn tirċievi l-ħniena ta’ Alla,.. il-Knisja mhux biss għandha bżonn li bil-ferħ  tirċievi l-ħniena imma wkoll li hi tagħmilha possibli u fekonda għall-oħrajn għax aħna lkoll msejjħin sabiex inkunu ta’ faraġ għall-bnedmin kollha

DAN HUWA ŻMIEN TA’ SALVAZZJONI

Kemm huwa suġġett adattat għal dan iż-żmien li bħalissa bħala nsara qegħdin niċċelebraw. Qed nirreferi għal żmien il-Għid wara mixja flimkien tul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa. Nagħmlu tajjeb jekk dawn il-jiem inħarsu lejhom bħala  żmien ta’ grazzja u ta’ salvazzzoni frott il-ħniena ta’ Alla għalina.

  • Il-Ħniena ta’ Alla li għal sena oħra qed tagħtina dan iż-żmien ta’ riflessjoni bil-għan li ntejjbu ħajjitna
  • Il-Ħniena ta’ Alla li f’dan iż-żmien, bi grazzji speċjali, ssejħilna għall-konverżjoni bil-għan li nirxuxtaw ma’ Kristu għall-ħajja tal-grazzja
  • Il-Ħniena ta’ Alla li tispikka fil-Kelma tiegħu li matul dawn il-jiem nisimgħu, speċjalment fil-qari tal-Liturġija tal-Kelma
  • Il-Ħniena ta’ Alla li, jekk kemm il-darba ftaħna qalbna għaliha, żgur li ltqajna magħha fis-smiegħ tal-Kelma tiegħU fl-Eżerċizzi tar-Randan jew xi irtir li għażilna li mmmorru għalih
  • Il-Ħniena ta’ Alla li deheret u tkompli tidher kull darba li niedma u sogħbiena mmorru nitolbuh jaħfrilna fis-sagrament tal-qrar
  • Il-Ħniena ta’ Alla li ma tieqafx tidher u tinħass matul iċ-ċelebrazzjonijiet li diġà ħadna sehem fihom bil-għan li ngħixu dan iż-żmien qawwi fil-Liturġija tal-Knisja bħalma huma xi ċelebrazzjoni penitenzjali, il-funzjonijiet tal-knisja, il-purċissjonijiet u kull ċelebrazzjoni maqgħuda mal-Għid Il-Kbir.

Nagħmlu tajjeb meta nħarsu lejn dak kollu li għaddejna u qed  ngħaddu minnu matul dan iż-żmien mill-perspettiva tal-ħniena ta’ Alla għalina. Nemmen li lkoll kemm aħna konvinti li matul dan iż-żmien qed niċċelebraw l-akbar ġest  tal-Ħniena ta’ Alla għalina, jiġifieri meta Alla l-Missier bagħat lill-Iben l-waħdieni tiegħu biex Hu jkun jista’ jbati u jmut għas-salvazzjoni tagħna. M’hemmx imħabba (ħniena) akbar minn dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.

NITKELLMU’ MILL-ĦNIENA…’NAGĦMLU’ ĦNIENA

god-of-surprises.jpgJekk inkomplu nitkellmu mill-Papa Franġisku f’relazzjoni mas-suġġett tal-’ħniena’ nistgħu nikkonfermaw li dan il-Papa mhux biss ‘jitkellem u jikteb’ fuq il-ħniena imma wkoll ‘jgħixha u jagħmilha’. Tajjeb li mhux biss nisimgħu u naqraw dak li l-Papa Franġisku għandu x’jgħidilna fuq il-ħniena ta’ Alla għalina imma wkoll huwa meħtieġ li naraw x’inhu fil-prattika dak li qed jagħmel bil-għan li jkun aktar kredibbli f’dak li qed jgħid. “Il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar” jgħid il-qawl Malti. U hekk hu.

U dan, dejjem u ma’ kulħadd,  għandu jkun il-prgramm ta’ ħajjitna. Bħala nsara għandna aħna wkoll nitkellmu fuq il-ħniena, nippromovu l-ħniena, nipprietkaw lil Alla-Imħabba, lil Alla ‘għani fil-ħniena’. Imma wkoll fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, ejjew li l-kelma tagħna dwar il-ħniena’ nħalluha ssarraf f’għemejjel ta’ mħabba u tjieba. Li nitkellmu fuq l-ħniena ta’ Alla huwa tajjeb imma, llum aktar minn qatt qabel, id-dinja qed tistenna mingħandna li l-ħniena ngħixuha, nuruha, inħalluha ssir l-istess ħajjitna. Hekk kif qal Mons Lorenzo Leuzzi, Isqof Auxiljaru ta’ Ruma b’referenza għall-Papa Franġisku: “Għal Franġisku l-ħniena mhix unikament sentiment Divin,mhix sempliċiment sentiment tal-qalb umana, imma aktar minn sentiment hija attitudni, azzjoni t’imħabba li ssalva, li tgħaqqadna ma’ Alla u tagħmilna nixbħuh; hija azzjoni konkreta li tħares lejn kull bniedem b’rispett u tgħollih għad-dinjità vera tiegħu”.  B’dan il-mod il-’ħniena’ tasal biex tkun tassew il-fuss li fuqu ħajjitna ddur. Għaliex jiena ħniena rrid, mhux sagrifiċċji...” (Hosegħa 6,6.)

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!