L-ESPERJENZA TAL-GĦID F’ĦAJJITNA


29. IL-Ħames Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Huwa faċli li fir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira nħossuna aktar qrib ta’ Kristu iżda aktar huwa diffiċli li nġibu quddiem għajnejna lil Kristu Rxuxtat għal żmien twil wara l-festa tal-Għid … Għaliex?

Kristu waqt il-passjoni għadda mit-tbatija ta’ kull xorta. Issawwat, inkurunawh bil-kuruna tax-xewk, u tgħabba s-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju fejn ġie msallab. Aħna li nġarrbu t-tbatija u naraw oħrajn ibatu nafu li dawn il-ħwejjeġ iġibu t-tbatija. Ma tantx trid toqgħod taħseb fil-fond u tistudja biex tinduna li Ġesù bata ħafna. Dan inissel fina sens qawwi ta’ kompassjoni u mogħdrija.

Ġesù għadda wkoll mit-tbatija tal-ispirtu waqt il-passjoni. U ħafna wkoll jifhmuha peress li din it-tbatija interjuri ngħaddu minnha f’din il-ħajja. Kif għedna n-Nisrani jġarrab tbatijiet ta’ kull xorta u għalhekk iħossu qrib Kristu waqt il-passjoni, għax iħoss li ftit jew wisq qed jixbhu.

Iżda meta niġu biex nifhmu x’ifisser l-Għid insibuha diffiċli. Forsi xi suċċess jew ferħa, iżda dawn ikunu għal ftit mumenti biss. Forsi l-aħjar eżempju tal-Għid huwa l-ferħ tal-kuxjenza u l-paċi tal-qalb li nħossu wara li nkunu rbaħna lilna nfusna.

Nistgħu nifhmu l-misteru tal-ferħ tal-Għid jekk inqisu li din hija r-rebħa ta’ Kristu fuq kull forza negattiva: inġustizzji, mewt, dnub, u tbatija. U waqt li f’din id-dinja niltaqgħu ma’ dak kollu li jassarna u jaqtagħlna qalbna nikkunsidraw li l-Għid huwa rebħa tassew kbira.

Inġibu eżempju ieħor. Waqt xi gwerra jsiru bosta battalji. Iżda r-rebħa finali hija waħda. U hekk ukoll huwa l-Għid. Huwa r-rebħa finali ta’ Kristu fuq kull ħażen. Ikbar ma tkun ir-rebħa, ikbar u itwal il-ferħ tagħna.

Min jirbaħ jew jakkwista xi ħaġa ġeneralment ikun jixtieq aktar. Iżda l-Għid huwa rebħa ta’ Kristu u garanzija għalina li jekk nimxu warajh għad naslu f’punt tal-qawmien mill-imwiet li fih inkunu ksibna kollox permezz tiegħu. Mela, l-akbar ferħ tan-Nisrani għadu ġej … fil-Ġenna!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.