Il-Papa f’Santa Marta: Il-paċi ta’ Ġesù tixbaħ il-kalma ta’ qiegħ il-baħar


It-Tlieta, 21 ta’ Mejju 2019: Kif jistgħu jintrabtu flimkien it-tbatijiet u l-persekuzzjonijiet li għadda minnhom San Pawl, li naqraw fil-paġna tal-Atti tal-Appostli tal-lum, bil-paċi li Ġesù jħalli b’wirt lid-dixxipli tiegħu fil-kliem li bih isellmilhom waqt l-Aħħar Ikla: “Inħallilkom is-sliem tiegħi, nagħtikom is-sliem tiegħi” illi nsibu fl-Evanġelju ta’ dalgħodu meħud minn San Ġwann? Kien propju minn dil-mistoqsija l-Papa Franġisku tnebbaħ biex jisvolġi l-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta. 

Il-ħajja ta’ persekuzzjonijiet u tbatija donnha tidher ħajja mingħajr paċi, iżda fil-fatt hi l-aħħar Beatitudni, fakkar il-Qdusija Tiegħu: “Henjin intom meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħ ukull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija”.

Il-paċi ta’ Ġesù timxi id’f’id ma’ dil-ħajja ta’ persekuzzjoni, ta’ tbatija.  Paċi li hi ‘l isfel, ferm aktar profonda minn dawn l-affarijiet kollha.  Paċi li ħadd ma jista’ jeħdilna, paċi li hi don, bħall-baħar li fil-qiegħ tiegħu hu kalm waqt li fil-wiċċ mimli ħalel.  Il-ħajja ma’ Ġesù tfisser li ġewwa fik ikollok din l-esperjenza li tibqa’ miegħek waqt il-provi kollha, waqt id-diffikultajiet kollha, it-tbatijiet kollha.

Hekk biss, issokta l-Papa, nistgħu nifhmu kif għexu l-aħħar siegħat tant qaddisin li “ma tilfux il-paċi”, tant illi wasslu lix-xhieda jistqarru li “kienu sejrin għall-martirju qieshom mistiedna għat-tieġ”.  Dan hu r-rigal tal-”paċi ta’ Ġesù”, paċi li ma nistgħux niksbuha bil-mezzi umani billi, per eżempju, “immorru għand it-tabib jew nieħdu l-mediċini”.  Hi ħaġa differenti, ġejja mill-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina u li magħha ġġib “il-qawwa”.  Bħal dak ir-raġel li mdorri jaħdem ħafna, li żort ftit jiem ilu, illi, f’ħakka t’għajn, minħabba marda, kellu jabbanduna l-proġetti kollha tiegħu, iżda xorta waħda baqa’ fil-paċi. Dan hu n-nisrani, ikkummenta Franġisku li kompla jispjega:

Il-paċi ta’ Ġesù tgħallimna biex fil-ħajja nibqgħu għaddejjin.  Tgħallimna nissaportu.  Nissaportu: kelma li ma nifhmux sewwa xi tfisser, kelma kristjana għall-aħħar, tfisser li nġorru fuq spallejna l-ħajja, id-diffikultajiet, ix-xogħol, kollox, mingħajr ma nitilfu l-paċi.  Anzi nġorru kollox fuq spallejna u nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Dan nifhmuh biss meta fina hemm l-Ispirtu s-Santu li jtina l-paċi ta’ Ġesù.

Jekk minflok, – innota l-Papa Franġisku – aħna ninħakmu minn “nervoziżmu ferventi”, u nitilfu l-paċi, ikun ifisser li hemm xi ħaġa li mhix taħdem.

Għalhekk, meta fi qlubna jkollna “ir-rigal imwiegħed minn Ġesù” u mhux dak li ttina d-dinja jew il-flus fil-bank, inkunu nistgħu naffrontaw l-aktar diffikultajiet koroħ, nibqgħu mexjin ‘il quddiem u nagħmlu dan b’ħila akbar: il-ħila li qalbna titbissem.

Il-persuna li tgħix b’dil-paċi fiha, qatt ma titlef is-sens ta’ umoriżmu.  Taf tidħaq biha nfisha, bl-oħrajn, anzi, b’dellha stess, tidħaq b’kollox……  Das-sens ta’ umoriżmu hu ħafna qrib il-grazzja t’Alla.  Il-paċi ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ kuljum, il-paċi ta’ Ġesù fit-tribulazzjonijiet u b’dak is-sens ħafif ta’ umoriżmu li jgħinna nieħdu n-nifs aħjar.  Jalla l-Mulej itina dil-paċi li tiġi mill-Ispirtu s-Santu, dil-paċi li hi tiegħu u li tgħinna nissaportu, inġorru l-bosta diffikultajiet tal-ħajja.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber