L-GĦAQDA KONTINWA MA’ KRISTU


32. L-Erbgħa wara l-Ħames Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fiha li ma tagħmilx frott hu jneħħiha; u kull waħda li tagħmel frott inaddafha, biex tagħmel frott aktar (Ġw 15, 1-2).

Kristu miet għall-bnedmin tad-dinja kollha ta’ kull żmien u l-qawmien tiegħu huwa tama għal kulħadd. Iżda biex ingawdu l-frott tal-qawmien irridu nkunu magħquda ma’ Kristu tul ħajjitna kollha u nibqgħu hekk sa meta Kristu jerġa’ jiġi fil-punt ta’ mewtna biex jeħodna għand il-Missier.

Din is-silta hija meħuda mill-parabbola tad-dielja. Kristu jxebbah lilu nnifsu mad-dielja u lilna mal-friegħi. Kristu jagħmilhielna ċar li biex nagħmlu l-frott irridu nibqgħu magħqudin miegħu kif il-friegħi tad-dielja jagħmlu parti minn din is-siġra; u jekk jinqatgħu, jinxfu u jmutu.

Nagħmluha ċara: L-għaqda ma’ Kristu tagħti frott mill-aspett spiritwali u apostoliku. Infisser ruħi aħjar. Hemm żewġ tipi ta’ grazzja: dik tal-ħolqien u dik tal-fidwa. Il-grazzja tal-ħolqien Alla jagħtiha lill-bnedmin kollha anki lill-midinbin, u din jagħtihielhom biex ikunu jistgħu jgħixu avolja jkunu fit-triq il-ħażina. Alla joffri l-grazzja tal-fidwa lil kulħadd, iżda biex din tikber fina, aħna rridu nikkoperaw magħha. Santu Wistin jgħidilna li dak li ħalaqna mingħajrna, ma jsalvaniex mingħajrna. Hi meħtieġa l-koperazzjoni tagħna.

In-Nisrani għalhekk għandu jħobb lil Kristu u jkun magħqud miegħu billi jżomm ruħu bogħod mid-dnub, jagħmel it-tajjeb, u jitlob. Iżda ta’ min isemmi li n-Nisrani ma jsibx il-ħlas f’din id-dinja. Veru li minn din id-dinja stess jibda jgawdi l-paċi ta’ Kristu Rxuxtat, iżda l-premju sħiħ isibu fil-ħajja li għad trid tiġi, lil min jippersevera sal-aħħar.

Sidna Ġesù Kristu jgħidilna li l-bidwi jiżbor kull fergħa tajba biex tagħmel aktar frott. L-istess jagħmel Alla mat-tajbin. F’din id-dinja jgħaddihom minn tisfija li fiha jaraw li s-saltna ta’ Alla hija l-aktar ħaġa importanti li hawn f’din id-dinja. Kif jgħidilna San Pawl: “Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu” (Fil 4, 20).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.