Sirna sempliċi skart?

Print Friendly, PDF & Email

Pariġi, 20 ta ‘Mejju, 2019. Press Release mill-Arċisqof Michel Aupetit ta’ Pariġi dwar is-sitwazzjoni ta’ M. Vincent Lambert

Sirna sempliċi skart? Jekk illum inħalli lili nnifsi nitkellem dwar dak li qed jiġri lil M. Vincent Lambert, huwa minħabba li l-każ daqstant partikolari tiegħu huwa emblema għas-soċjetà li fiha nixtiequ ngħixu.

L-ewwelnett, il-qalb saċerdotali tiegħi twassalni biex nitolbu għalih, soġġett għal ħafna pressjoni, u li ħajtu tiddependi biss fuq deċiżjonijiet li hu ma jistax jieħu. Ftit snin ilu, huwa kien diġà għadda minn esperjenza meta waqqfulu d-dieta u l-idratazzjoni u minkejja dan huwa baqa’ ħaj b’mod sorprendenti.

Dan ir-raġel ta’ 42 sena, rasu trawmatizzata f’inċident tat-traffiku, bħalissa huwa għandu diżabilità severa, tetraplegika u jiddependi minn ħaddieħor f’sodda fl-Isptar Universitarju ta’ Reims. Il-każ tiegħu huwa simili ħafna għal dak ta’ Michael Schumacher, rasu trawmatizzata b’leżjonijiet ċerebrali profondi u hu wkoll konxju ftit li xejn. Minkejja li huwa bniedem magħruf sew,  dan iċ-champion tal-Formula 1, il-mezzi tax-xandir ma tawx prominenza lill-każ mediku tiegħu u hu jista’ jgawdi minn kura speċjalizzata ħafna f’ambjent privat.

Fil-każ speċifiku ta’ M. Vincent Lambert, wieħed jista’ jinnota li għandu għajnejn miftuħa, qed jieħu n-nifs b’mod normali, huwa fi stat stabbli, u mhux fil-periklu tal-mewt. Huwa għandu bżonn għajnuna ta’ infermier biex jikkurah u infermier biex jgħinu jibdel il-pożizzjoni, kif ukoll fiżjoterapista biex ma jinstelaħx. In-nutrizzjoni u l-idratazzjoni jsiru permezz ta’ gastrostomija jew tubu nasogastriku.

Id-deċiżjoni li titwaqqaf il-kura bażika, biex ikun komdu u jista’ jieħu n-nutrizzjoni, għal pazjent b’diżabilità, tmur kontra l-liġi Leonetti. Mhux qed jingħad li huwa għaddej minn tbatija insupportabbli li teħtieġ sedazzjoni profonda ħlief ovvjament fil-każ fejn it-tobba jwaqqfu l-idratazzjoni u b’hekk jikkawżaw l-uġigħ krudili ta’ mewt bil-għatx. Dan mhuwiex każ   ta’ “ostinazzjoni terapewtika” peress li m’hemmx kura li twassal għall-fejqan f’marda inkurabbli, imma sempliċement il-kura tal-ġisem u l-kura nutrittiva li wieħed għandu wkoll jagħti lill-anzjani, emiplegiċi dipendenti, u trabi li għadhom mhumiex indipendenti.

Hawn min qed isemmi, biex jagħmel paragun, pajjiżi inqas etiċi bħall-Belġju jew l-Olanda. Wieħed irid ta’ bilfors jinnota li f’dawn il-pajjiżi hemm anestesija totali ta’ kuxjenza. Tisma’ tfal jitkellmu b’mod naturali dwar l-ewtanasja tal-ġenituri tagħhom daqs li kieku kienet xi ġrajja normali. Membru tal-gvern Belġjan, bilqiegħda quddiemi f’laqgħa mal-President tar-Repubblika, kienet kburija ħafna li pajjiżha kien “minn ta’ quddiem” kif stqarret. Għaliex ħadd ma jsemmi pajjiżi b’kuxjenza etika ogħla, bħalma huma Ġermanja jew l-Italja?

Illum hemm għażla ċara ħafna ta’ liema ċivilizzazzjoni rridu: jew inqisu l-bnedmin bħala robots funzjonali li jistgħu jiġu eliminati jew skreppjati meta ma jibqgħux aktar utli, jew inqisu li dak li hu xieraq għall-umanità għandu jkun ibbażat mhux fuq kemm ħajja hija utli, iżda fuq il-kwalità tar-relazzjonijiet bejn bnedmin li jagħtu xhieda ta’ mħabba. Mhux hekk jiġri wkoll meta omm toqgħod tagħżel bejn uliedha, bejn min hu l-iktar li qed ibati jew dak li hu iżjed fraġli?

Din hija l-għażla li għandna quddiemna. Kristu wriena l-uniku mod kif għandna nikbru fl-umanità: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. U tana l-uniku mod kif nesprimu din l-imħabba: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” Għal darb’oħra aħna qed niffaċċjaw għażla deċiżiva: iċ-ċiviltà tal-iskart jew iċ-ċiviltà tal-imħabba.

+ Michel Aupetit, Arċisqof ta’ Pariġi

https://www.bbc.com/news/world-europe-48344426

Rapport bil-Malti minn Louis Spiteri

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading