Fil-ħlewwa ta’ Mejju

Print Friendly, PDF & Email

Min qatt ma sama bil-poeżija kapolavur tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, Fil-ħlewwa ta’ Mejju? Dak l-innu li, temmen jew ma temminx, jidħollok f’qalbek? Imisshielek? U jimlihielek bit-tama, bil-paċi u bil-ferħ ġewwieni? Il-ferħ ta’ Kristu? Il-ferħ tat-tfal ċkejknin?

Kemm hu għaqli li nagħlqu dan ix-xahar daqshekk sabiħ ta’ Mejju b’riflessjoni mill-qalb dwar il-kliem ta’ din il-poeżija li s-surmast tal-mużika sagra Maltija, Mro. Giuseppe Caruana, biddlu f’innu daqshekk sabiħ u li jinfiltra l-qlub!

Fil-ħlewwa ta’ Mejju. Iva! Mejju ħelu! L-għaliex, fil-qalba tar-rebbiegħa, fil-frisk li ġġib magħha, fil-ħajja li tispikka fiha, tfakkarna fil-ħlewwa tan-natura. U, fuq kollox, fil-ħlewwa ta’ Dak li s-smewwiet ixandru l-glorja [tiegħu], għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema (S 19:2). U, f’din il-ħlewwa kollha li jagħtina Mejju, li tħabbar il-preżenza setgħana tiegħu, hemm hi, Marija, li, ja Mulejja, qiegħdha f’lemintek is-sultana mżejjna b’deheb ta’ Ofir. U x’inhu dan id-deheb li bih hi mżejna Marija?

Humiex forsi dawk l-għaxar virtujiet li l-kurunella hekk imsejħa: Il-Kurunella ta’ l-għaxar virtujiet tal-Verġni Marija tant teżalta. U bir-raġun! L-għaliex, f’dawn l-għaxar virtujiet tal-Verġni Imbierka Marija, Ommi u Ommok, naraw tabilħaqq dak li stqarret hi quddiem Eliżabetta: Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu (Lq 1:49-50). U kif nistgħu ma nħobbuhx lill-Mulej, bħalma ħabbietu Marija, b’dik l-imħabba li ma trid qatt u qatt li tweġġagħlu qalbu (u li nsejħulha l-biża tal-Mulej)? U dan ħbieb Ommok u Ommi Marija wettqietu l-għaliex għexet, bil-qawwa tal-Ispirtu [s-Santu] (Lq 4:4) dawn l-għaxar virtujiet li l-Kurunella tant tfakkarna biex nirriflettu ħa nimitawhom f’ħajjitna!

Hawn hu d-deheb is-Sultana li bih Alla l-Missier, permezz ta’ Ibnu Ġesù, fl-Ispirtu s-Santu, żejjienha bih: Is-safa tagħha (Mt 1:18, 20, 23; Lq 1:27, 34); il-prudenza tagħha (Lq 2:19, 51); l-umiltà tagħha (Lq 1:48); il-fedeltà tagħha (Lq 1:45; Ġw 2:5); it-talb tagħha (Lq 1:46-7; Atti 1:14); l-ubbidjenza tagħha (Lq 1:38; 2:21-22, 27); il-faqar tagħha (Lq 2:7); is-sabar tagħha (Ġw 19:25); il-ħniena tagħha (Lq 1:39, 56); u t-tbatija tagħha (Lq 2:35). Kemm kellu raġun il-Venerabbli Qaddej t’Alla Fr Casimir Wyszyński, wieħed mill-ewlenin Superjuri Ġenerali tal-Kongregazzjoni tal-Marjani, jgħid: “Min irid jigglorifika lill-Verġni Imqaddsa Marija u jixtieq li jibqa’ taħt il-ħarsien tagħha għandu jħobbha u jirrispettaha, imma, u fuq kollox, għandu jgħix il-virtujiet evanġeliċi u, permezz ta’ dan, ikun qed jimxi fuq l-eżempju ta’ Marija”.

Omm tagħna Marija! Kemm toħroġ minn qalb din il-frażi f’dan l-innu sabiħ! Marija hi Ommok! Ommi! Imma l-għaliex Marija hi Ommna? Kien Ġesù stess li ħabbrilna li Marija hi Ommna meta, fil-vanġelu skont San Ġwann, qal lil Ġwanni minn fuq is-Salib: Hawn hi ommok (Ġw 19:27). Ġwanni, f’dak il-waqt, kien qed jirrappreżenta lil kull dixxiplu. Jiġifieri lil kull min jemmen li Ġesù hu l-Mulej u s-Salvatur tiegħu. Mela, f’dak il-waqt, Ġwanni qed jirrappreżenta lili u lilek! Għalhekk, meta Ġesù qed jistqarr lil Marija li hi Ommu (Omm Ġwanni), qed jinkludi wkoll lili u lilek! Fil-persuna ta’ Ġwanni qed jgħidilna: Hawn hi Ommkom!

Marija hi Ommna l-għaliex hi Omm Ġesù! U aħna, bil-magħmudija, aħna nkorporati f’Ġesù. Kif ifakkarna tant tajjeb San Pawl fl-Ittra lill-Korintin u lill-Kolossin. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu (1 Kor 12:27). Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja (Kol 1:18). Mela, jekk Marija welldet lir-ras tal-Ġisem ta’ Kristu, Kristu nnifsu, hi wkoll welldet lill-bqija tal-Ġisem ta’ Kristu, li hu aħna. Għax teżiżti fil-verità xi omm li welldet biss ras binha u ma wellditx ukoll il-bqija tal-ġisem ta’ binha? Għalhekk, jekk Marija hi Omm ir-ras tal-Ġisem hi wkoll Omm għall-membri tal-ġisem. Dan l-għaliex Kristu huwa wieħed u aħna ilkoll ħaġa waħda fi Kristu. Għalhekk, Marija hi Omm Ġesù. Aħna qiegħdin f’Ġesù. Marija mela hi Ommna. U, il-maternità tagħha, hi vera u mhux sempliċiment xi ħaġa sentimentali.

Imma, l-għaliex aħna bnedmin, tad-demm u l-laħam, bis-sentimenti kollha tagħna, ma nistgħux nitfgħu taħt it-tapit inkella inwarrbu l-ferħ kbir tagħna li Marija hi Ommna! Kien għalhekk li, Dun Karm, wieħed minn ħutna l-Maltin u l-Għawdxin, b’tant għaqal fisser is-sentiment li juri l-qawwa tar-rejaltà daqshekk kbira li Marija hi Ommok u Ommi meta kiteb f’din il-poeżija-innu fil-ħlewwa ta’ Mejju:

Fil-ħlewwa ta’ Mejju, Omm tagħna Marija,
O kemm idoqq ħlejju, dak ismek sabiħ.
Kemm toħroġ qawwija, dil-kelma minn qalbna,
bit-tama li talbna, jagħtik l-akbar ġieħ.

Int l-għaxqa tas-sema, ix-xemx tal-ħolqien.
Int l-omm ta’ min ħalqek. Bik mimli kull żmien.

Jekk tiftaħ fil-ġonna, il-warda Maltija,
tfakkarna, O Madonna, fil-lewn ta’ ħaddejk.
Jekk tidħaq id-dija, tal-kwiekeb irżina,
tfakkarna, O Ħanina, fil-ħarsa t’għajnejk.

Minn dejjem bint Alla, nadifa mill-ħtija.
Infrixt bħal qawsalla, fuq ras il-bnedmin.
Int ftaħt, O Marija, l-għejjun ta’ kull ħniena,
fuq l-aħwa ħosbiena, fuq l-aħwa ħatjin.

Għalhekk, ja Sultana, tal-ħlewwa Marija,
int biss tama tagħna, int qawwa tar-ruħ.
Bil-grazzja mimlija, kull waqt insellmulek,
bil-ħrara ngħajtulek, fis-siegħa tad-dmugħ.

U biex se nsaqquha lil din l-imħabba jekk mhux bit-talba għażiża tar-Rużarju mqaddes li jqaddes kull jum, kull nifs u kull ħin ta’ ħajjitna? San Ġwann Pawlu II jistqarr fl-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju MqaddesIr-Rużarju akkompanjani fil-waqtiet ta’ ferħ u anki f’dawk ta’ prova.  Fih fdajt il-ħafna preokkupazzjonijiet tiegħi u dejjem sibt il-faraġ (no.2). U, bir-raġun kollu, tistaqsini: “Għaliex?” Jissokta San Ġwann Pawlu II: Bir-Rużarju, il-poplu nisrani jpoġġi ruħu fl-iskola ta’ Marija,  u jasal biex  jikkontempla l-ġmiel tal-wiċċ ta’ Kristu u  jagħmel esperjenza tal-kobor bla qies ta’ l-imħabba  tiegħu.  Bir-Rużarju, il-fidili  jistgħu jirċievu kotra kbira ta’ grazzja,  bħal qishom jirċevuha mill-idejn stess ta’ Omm il-Feddej (no.1).

 Xi ħlewwa meta nieħu lil Marija f’qalbi! Bir-Rużarju u bl-għejxien tal-virtujiet tagħha! Xi ħlewwa! U b’liema ħlewwa!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading