Niket li jinbidel f’hena

Print Friendly, PDF & Email

41. Il-Ġimgħa wara s-Sitt Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Fis- sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja
għad tifraħ; għad tħossu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena (Ġw 16,20).

Hawnhekk Kristu qiegħed jitkellem fuq ix-xorti ta’ kulmin jimxi warajh. Din l-esperjenza kellha tkun morra għall-Appostli. Dawk li mxew warajh u li rawh jagħmel tant mirakli u ġid, rawh ukoll jgħaddi minn mewt umiljanti. Iżda Ġesù jgħidilhom li l-istorja tiegħu kellha tkun tagħhom ukoll aktar ‘l quddiem. Din hija x-xorti ta’ kull veru Nisrani fid-dinja. Hekk “in-niket tagħkom għad jinbidel f’hena” (Ġw 16, 20).

Iżda Huwa kellu jerġa’ jiltaqa’ magħhom, jiġifieri jqum minn bejn l-imwiet, u dik l-esperjenza morra li kienu ser jgħaddu minnha kienet se tgħib. U Ġesù jġib l-eżempju tal-uġigħ tal-ħlas ta’ mara li madankollu tinsa kollox meta tara t-tarbija tagħha.

Dik l-esperjenza li għaddew minnha l-Appostli u d-dixxipli ta’ Ġesù ngħaddu minnha aħna kontinwament. Meta jkollna nagħmlu xi ċaħda jew xi sagrifiċċju biex isir il-ġid, inħossuna qegħdin inbatu. Iżda min ibati ma’ Kristu ser iqum ma’ Kristu. Meta nirrassenjaw ruħna u ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna ma’ dawk ta’ Kristu, inħossu l-paċi Tiegħu minn din id-dinja u għad nirċievu l-premju etern fil-ħajja ta’ dejjem.

Fid-dinja kulħadd ftit jew wisq irid jgħaddi mit-tbatija. Hawn min ibati minħabba Ġesù, u hawn min ibati minħabba l-bluha tiegħu. Kulħadd jgħaddi mit-tbatijiet li huma komuni għall-bnedmin bħal ma huwa l-mard. Forsi nistaqsu, min qiegħed ibati minħabba l-bluha tiegħu, in-niket tiegħu ser jinbidel f’hena? Nagħmluha ċara. Min qiegħed ibati minħabba l-bluha tiegħu nistgħu ngħidu li jkun ġabha b’idejh. Iżda jekk wieħed jaċċetta din it-tbatija u jgħaqqadha ma’ dik ta’ Kristu ser isib ukoll il-ġid. U hawnhekk nistgħu nġibu quddiem għajnejna l-eżempju tal-ħalliel it-tajjeb, li sab is-salvazzjoni fi Kristu fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu fit-tbatija.

Iżda min ibati waħdu u ma jitlobx l-għajnuna ta’ Alla jkun waqa’ fis-suppervja u ser iħoss il-vojt u l-frustrazzjoni, k’mhux ukoll id-disperazzjoni. Mingħajr Ġesù ma ssibx “hena” fit-tbatija.

Leave a Reply

%d bloggers like this: